It-tieni edizzjoni tas-Superleague Triathlon f’Malta

  • Ott 18, 2019 00:53
  • Miktub minn iNews
"

    Waqt konferenza stampa, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima niedew it-tieni edizzjoni tas-Superleague Triathlon li se ssir bejn id-19 u l-20 ta’ Ottubru. Dan l-avveniment sportiv, li hu parti minn kampjonat dinji, jgħaqqad f’tellieqa waħda l-għawm, il-ġiri u ċ-ċikliżmu, u jġib uħud mill-aqwa ismijiet magħ­rufa fl-isport tat-triathlon.

    It-tieni edizzjoni ta’ Superleague Triathlon f’paj­jiżna tifforma parti minn kampjonat dinji, bi tlielaq f’Jersey, f’Ottowa u f’Singapore fost l-oħrajn u tixxandar madwar id-dinja quddiem udjenzi li jaqbżu l-biljun u nofs persuna. L-avveniment f’pajjiżna se jittella’ fl-inħawi tal-Birgu u ta’ Bormla.

    Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kien preżenti wkoll għat-tnedija u fisser li minbarra li pajjiżna qed jospita avveniment ieħor ta’ kwalità, dan l-avveniment se jixxandar madwar id-dinja quddiem udjenzi ta’ miljuni ta’ persuni.

     Dan se jesponi l-wirt naturali u kulturali li għandu pajjiżna speċjalment fl-inħawi tal-Kottonera u tal-Port il-Kbir. Il-Ministru rringrazzja lid-diriġenti ta’ Superleague Triathlon li għal sena oħra reġgħu għażlu lil pajjiżna għal round minn dan il-kampjonat prestiġjuż.

    Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li l-gvern huwa impenjat li jkompli jospita avvenimenti internazzjonali bħas-Super League Triathlon f’Malta.

    “Hi l-intenzjoni tal-gvern li niżguraw li l-isport ikun ċentrali fil-ħajja u fis-soċjetà tagħna. Permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport qed naraw li nidentifikaw u li nrawmu atleti professjonali.

    “Malta għandha l-ekosistema ideali biex tospita avvenimenti ta’ livell għoli inklużi faċilitajiet sportivi ta’ kwalità għolja, temp tajjeb is-sena kollha u atmosfera meraviljuża.

    “Jien fiduċjuż li bir-riżorsi meħtieġa nistgħu nissodisfaw l-ambizzjoni tag­ħ­na u ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jirnexxu fl-isport fuq livell internazzjonali,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Grima.

    Waqt it-tnedija kien hemm preżenti iktar minn 60 atleta professjonali minn madwar id-dinja li se jieħdu sehem fit-triathlon fi tmiem din il-ġimgħa. Uħud minnhom se jipparteċipaw anke fl-Olimpjadi ta’ Tokyo s-sajf li ġej. Magħhom se jieħu sehem ukoll l-atleta Malti, Shaun Galea, li f’età żgħira diġà rebaħ diversi kampjonati fuq livell lokali.

    Minbarra l-impenji tagħ­hom fis-Superleague Triathlon, l-atleti qed jagħmlu eżerċizzji ta’ outreach fil-komunità sabiex jedukaw dwar l-effetti pożittivi tal-isport u ta’ ħajja attiva. Wieħed minn dawn l-avvenimenti kien li ltaqgħu ma’ studenti fl-iskola primarja ta’ San Ġwann.

     Fil-fatt, żaru din l-iskola wkoll il-Ministru Mizzi u s-Segratarju Parlamentari Grima fejn flimkien mal-aqwa atleti mondjali tat-triathlon, kellhom interazzjoni mat-tfal tal-iskola permezz ta’ attivitajiet var­ji.

    Għal dan l-għan, l-iskola primarja ta’ San Ġwann ippreparat programm ta’ attivitajiet fl-iskola inklużi sports day, Q&A ma’ uħud mill-atleti, eżerċizzju fiżiku varjat, dawra bir-roti u inizjattivi oħra bil-għan li jkun hemm għarfien akbar fuq dan l-isport.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0