“Pjan fit-tul li għandu jħalli l-frott mixtieq fit-tim nazzjonali” - Il-president Bjorn Vassallo

  • Ott 18, 2019 00:51
  • Miktub minn iNews
"

    F’eku tat-telfa minima iżda diżappuntanti ta’ 1-0 li t-team nazzjonali Malti sofra kontra l-Faroe Islands, nhar it-Tlieta li għadda, tkellem il-president tal-MFA Bjorn Vassallo, waqt il-laqgħa tal-Kunsill li saret il-bieraħ fil-lukanda Excelsior, fil-Floriana.

    Waqt li esprima d-diżappunt tiegħu, huwa qal li bl-ebda mod ma jistgħu jieqfu f’dan l-istadju iżda minflok spjega l-pjani tal-Assoċjazzjoni hekk kif imfissra fl-istrateġija ‘Vision 2027’ biex jitjieb il-livell tat-team nazzjonali kif ukoll tal-players Maltin kemm permezz ta’ pjan li jibda jagħti l-frott f’qasir żmien kif ukoll għall-pjan fit-tul.

     Dawn il-pjani jinkludu tibdil fl-istrateġija taċ-Ċentru Tekniku li se jkun qed jibda bl-impjieg immedjat ta’ Direttur Tekniku ġdid, l-introduzzjoni ta’ programmi ġodda ta’ żvilupp, u t-twaqqif ta’ fondazzjoni ġdida li se tkun qed tħares l-iżvilupp tal-football fil-livell tal-grassroots.

    Il-president tal-MFA tkellem ukoll rigward pjani biex “club” Malti jibda jilgħab fil-Kampjonat Taljan Lega Pro biex players Maltin ikunu jistgħu jitħarrġu u jilagħbu f’livell professjonali.

    Fi kliemu: “L-aspettattiva għall-partita kontra l-Faroe Islands kienet għolja hekk kif il-perċezzjoni ġenerali kienet li konna se naffrontaw team tal-livell tagħna, imsaħħa wkoll mill-fatt li konna għelibna lill-istess team f’Marzu li għadda. Naqsam id-diżappunt tal-pubbliku kemm rigward ir-riżultat kif ukoll il-wirja tal-players Maltin li ma kinitx waħda mixtieqa.

    “Filwaqt li ninsabu konxji mil-limitazzjonijiet tagħna, u f’dan il-kuntest, it-tattiċi tagħna fil-logħbiet kontra timijiet kbar jiġu mifhuma iżda din kienet partita fejn it-team tagħna kien mistenni li jirbaħha iżda dan ma kienx il-każ u għalhekk ħriġna ferm diżappuntati.”

     Madankollu, l-president tal-MFA żied jgħid li għalkemm jinsab ferm diżappuntat, ma kienx sorpriż bir-riżultati tat-team nazzjonali.

    Huwa stqarr li: “Ilna niddiskutu u niddibattu l-limitazzjonijiet tal-football Malti għal diversi snin. Fil-kampanja ta’ qabel l-elez-zjoni għall-president tal-MFA, iż-żewġ kandidati kienu ddiskutew pjani għall-futur, fejn enfasizzaw l-importanza li jogħla l-livell tat-timijiet nazzjonali.

    “L-ebda president jew organizzazzjoni ma jistgħu jiggarantixxu xejn ħlief l-impli­men­tazzjoni ta’ pjan fit-tul biex jiġu prodotti players Maltin aħjar.

    “Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn it-team nazzjonali tal-Faroe Islands li affrontajna nhar it-Tlieta li għadda, huma kellhom xejn inqas minn disa’ players li jilagħbu barra mill-pajjiż, waqt li aħna kellna biss tnejn.

    “Il-kulminu ta’ kollox huwa li jkollna approċċ professjonali. Aħna qed nikkompetu fl-ogħla livell iżda qed nibqgħu lura. Dan jagħmilha imperattiv għalina biex nimplimentaw il-proġetti ppjanati - mhux sa nieqfu hawn!”

    Is-Sur Vassallo sostna li biex dan kollu jsir huwa neċessarju sforz kollettiv: “Ma nistgħux nagħmlu dan kollu waħedna iżda diġà kellna diskussjonijiet ta’ suċċess mal-awtoritajiet konċernati li se jkunu qed jissapportjawna biex nimplimentaw dawn il-proġetti.”

     Huwa tkellem ukoll rigward il-pożizzjoni tal-coach tat-team nazzjonali Ray Farrugia fejn stqarr li f’dan ir-rigward mhix kwistjoni li nippuntaw subgħajna lejn persuna jew tnejn.

    Fi kliemu: “Ray Farrugia għandu kuntratt sa tmiem din is-sena kalendarja. Għaldaqstant se nkunu qed nevalwaw is-sitwazzjoni wara l-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020 u għandna żmien suffiċjenti biex nagħmlu dan, hekk kif il-kompetizzjoni li jmiss tat-team nazzjonali se tkun qed tibda lejn nofs is-sena d-dieħla.”

    Intant, meta rrefera għal stqarrija maħruġa l-bieraħ mis-South End Core fuq il-media soċjali, is-Sur Vassallo, qal li jifhem il-frustrazzjoni tagħhom, iżda reġa’ saħaq li l-MFA għandha pjan fit-tul li għandu jħalli l-frott mixtieq fit-team nazzjonali.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0