Sittin sena ilu l-Brigata Laburista saret illegali

  • Ott 12, 2019 14:26
  • Miktub minn Charles Micallef

    Fil-Gazzetta tal-Gvern tas-16 ta’ Ottubru 1959 ħarġet Ordinanza li kienet tagħmel illegali f’Malta l-ilbies ta’ uniformijiet f’post pubbliku għal skopijiet politiċi. L-Ordinanza kienet tagħmilha wkoll offiża kriminali li torganizza jew tħarreġ membri ta’ xi assoċjazzjoni bi skop ta’ wiri ta’ saħħa fiżika għal skop politiku.

    Din l-Ordinanza li bdiet isseħħ mis-16 ta’ Ottubru 1959 kienet tipprojbixxi wkoll kull drill ta’ xeħta militari mingħajr il-permess meħtieġ tal-Gvernatur.

    L-Ordinanza kienet tgħid li kull min jilbes uniformi ta’ organizzazzjoni pulitika jista’ jeħel, meta jinstab ħati, mhux iżjed minn tlett xhur priġunerija jew multa ta’ mhux iżjed minn £50, jew dik il-priġunerija u l-multa flimkien.

    Kull min kien jieħu parti fil-kontroll u fit-tmexxija ta’ assoċjazzjoni bħal din, jew fl-organizzazzjoni jew taħriġ tagħha kien jista’ jeħel priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sitt xhur jew multa ta’ mhux iżjed minn £100, jew dik il-priġunerija u multa flimkien.

    Kull min kien ikun preżenti f’xi meeting jew ġemgħa ta’ nies li kienet issir mingħajr permess tal-Gvernatur għall-iskop ta’ taħriġ ta’ xi persuni oħra fi drill militari kien jista’ jeħel mhux iżjed minn tlett xhur priġunerija jew multa ta’ mhux iżjed minn £50, jew dik il-priġunerija u multa flimkien. Kull min kien joqgħod għad-drill militari f’xi ġemgħa jew meeting miżmum mingħajr il-permess tal-Gvernatur kien jista‘ jeħel priġunerija għal mhux iżjed minn tlett xhur jew multa ’ mhux iżjed minn £50 jew dik il-priġunerija u multa flimkien.

    L-Ordinanza kienet tolqot il-Brigata Laburista, l-uniku korp politiku bl-uniformi li qatt kien hawn f’Malta mindu spiċċaw il-Faxxisti. Il-Brigata Laburista għamlet diversi wirjiet ta’ “saħħa fiżika għal skop politiku” - ħaġa li mis-16 ta’ Ottubru 1959 saret kontra l-liġi.

    Interessanti l-fatt li Il-Berqa tas-7 ta’ Ottubru 1959 kienet qalet li fl-Ingilterra għaqdiet politiċi bl-uniformi kien ilhom illegali mill-1936 meta kienet saret il-“Public Order Act”, li laqtet lill-British Union of Fascists li dak iż-żmien kienu joħorġu jagħmlu l-parati militari fit-toroq bl-uniformi tal-qmis sewda. Il-Berqa kienet qalet ukoll li dak li sar fl-Ingilterra fl-1936 kontra l-Brigata Faxxista, kellu jsir hawn Malta fl-1959 kontra l-Brigata Laburista.

    U fil-fatt hekk kien sar. Fis-16 ta’ Ottubru 1959, il-Brigata Laburista bl-uniformi patrijottika Maltija bħala parti mill-mixja għall-indipendenza u l-ħelsien tal-gżejjer Matin mill-kolonjaliżmu u l-bażijiet militari barranin, ġiet fi tmiemha.

    Dak iż-żmien jiena, li kont membru tal-Brigata Laburista ta’ Bormla kelli għaxar snin. L-ordnijiet tad-drill kienu kollha bil-Malti, bħal “stand at ease” kienet bil-Malti, “strie-ħu”. “Quick march” kienet “Brigata ’l quddiem, b’pass imgħaġġel imxi“. “Lejn ix-xellug” jew “lejn il-lemin” kienu l-ordnijiet bil-Malti biex induru qabel nibdew nimmarċjaw b’pass imgħaġġel. Kollox bil-Malti kien. Illum, l-ordnijiet tal-Armata Maltija huma bl-Ingliż. Meta bil-Malti kienu aħjar.

    Ngħidha kif inħossha: min kien ġieħ il-ħsieb li jagħmel il-Brigata Laburista seta’ kellu f’rasu intenzjonijiet tajbin għall-parijottiżmu Malti fit-tfal Maltin biex irawwimhom fil-kultura tal-indipendenza u l-ħelsien ta’ Malta, u fl-imħabba lejn art twelidna.

    Imma dan kien nesa li Adolf Hitler kellu l-Hitler Youths u Benito Mussolini kellu l-Balilla - it-tnejn kenu bħall-Brigata Laburista. Hekk jiġrilu min ma jaħsibhiex sew qabel jagħmel xi ħaġa. ‘Aħsibha mitt darba u aqta’ darba’. Imma aqta’ sewwa. U agħti kas l-imgħoddi, l-istorja.

    Darba kont fi Triq ir-Repubblika, il-Belt, nara marċ mill-Brigata Laburista ta’ Malta kollha. Kien hemm ħdejja turist Awstrijak mal-mara tiegħu u tgħidx kemm irrabja meta ra l-Brigata Laburista għaddejja timmarċja ’pass imgħaġġel bid-daqq tat-tnabar u l-bugles!

    Lill-mara tiegħu qalilha kelma pastaża bil-Ġermaniż u żied ukoll l-kelma “Anschluss” - li kienet tfisser l-għaqda tal-Awstrija mal-Ġermanja. Il-Brigata Laburista bil-banda b’kollox fakkritu fid-disgrazzja (għalih) ta’ pajjiżu, l-Awstrija mal-Ġermanja Nażista.

    Wara l-pubblikazzjoni tal-Ordinanza tal-1959 il-Brigata Laburista xorta waħda kienet baqgħet teżisti imma bla drill u bla pass militari. Kienet saret qisha l-Boy Scouts tal-Labour u kienet immexxija minn Effie Mifsud.

    Illum, dawk li kienu tfal ta’ għaxar snin fil-Brigata Laburista kollha għandhom 70 sena. Ħafna minnhom emigraw, fosthom lejn l-Awstralja. Oħrajn jgħixu Malta, waqt li hemm oħrajn li qegħdin fil-ġenna.

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook