“Brexit jista' jkun opportunità għal Malta”

  • Ott 10, 2019 13:06
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Kap Eżekuttiv ta' Business First Marika Tonna nsistiet li Brexit jista' jkun opportunita għal Malta biex tattira kumpaniji li bħalissa jinsabu ibbażati fir-Renju Unit.

    Business First twaqqfet bi sħab bejn il-Gvern u l-GRTU biex isservi bħala 'one-stop shop' għan-negozji ġodda.

    Tonna, li kienet qed titkellem waqt 'business meeting' dwar Brexit organizzat mill-ġurnal The Business Today, sostniet li għalkemm se jkun hemm żieda fit-tariffi u 'paperwork' huma għandhom skema biex jgħinu lill-kumpaniji jesportaw lejn ir-Renju Unit.

    Fl-istess waqt Brexit jista' jkun ta' opportunita għal Malta kemm fir-rigward ta' kumpaniji minn barra l-UE li huma ibbażati fir-Renju Unit u li jkunu jridu bażi fi stat membru kif ukoll għal kumpaniji Brittaniċi li jridu jibqgħu preżenti fl-UE.

    Hija irreferiet għall-Iskola Medika ta' Barts li fetħet kampus f'Għawdex u sostniet li jista' jkun hemm istituzzjonijiet oħrajn li jħarsu lejn Malta biex jinvestu fostna.

    Anke David Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ, qal li rridu nħarsu lejn l-opportunitajiet iktar milli lejn id-diffikultajiet li se ġġib magħhom it-tluq tar-Renju Unit mill-UE.

    Waqt li semma kif ħruġ tar-Renju Unit mill-UE bla qbil se jkun ta' detriment għaż-żewġ naħat iktar milli jkun dak bi qbil, Xuereb sostna li l-impatt fuq perjodu medju u dak fit-tul għadu mhux magħruf.

    Huwa rrimarka li fortunatament l-ekonomija għaddejja minn perjodu pożittiv u sostna li din se tkun ir-raġuni ewlenija għala l-impatt negattiv fuq Malta jkun wieħed minimu.

    Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Edward Zammit Lewis irrimarka li bir-Renju Unit determinat li joħroġ mill-UE fil-31 ta' Ottubru li ġej iż-żmien huwa kontra ż-żewġ naħat jekk iridu jilħqu qbil.

    Huwa rrikonoxxa li hemm persuni li għadhom fid-dubju dwar l-impatt ta' Brexit u li l-kunfidenza fin-negozju titbaxxa imma huwa dmir il-politiċi li jipprovdu ċertezza.

    Zammit Lewis saħaq li l-prijorita tal-Gvern hija ċ-ċittadin u waqt li semma kif l-istudenti u l-pensjonanti mhux se jiġu affettwati appella lin-negozji biex ikunu ippreparati u fakkar kif hemm skemi li jgħinuhom f'dan ir-rigward.

    Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri semma kif il-Kummissjoni Ewropea ħarġet diversi direttivi lill-istituzzjonijiet biex jippreparaw għal Brexit.

    Huwa semma kif bħala r-regolatur tas-servizzi finanzjarji l-MFSA għandha r-responsabbilta li tassigura tranżizzjoni bl-inqas impatti possibbli waqt li fl-istess ħin tippromwovi l-interessi tal-investituri u l-klijenti.

    Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA żied jirrimarka li huma analizzaw l-impatt li Brexit jista' jkollu fuq il-qasam tas-servizzi finanzjarji u sostna li dan m'għandux ikun kbir.

    Glenn Micallef, Kap tas-Segretarjat tal-UE f'Malta, semma kif il-parti l-kbira tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit huma konklużi u li huma ippreparati għal kull xenarju.

    Huwa sostna li fuq livell nazzjonali analizzaw settur settur u għamilha ċara li l-prijorita ewlenija hija ċ-ċittadini kemm dawk lokali li jistudjaw jew jaħdmu fir-Renju Unit u anke dawk Britttaniċi li jgħixu Malta.

    Micallef irrimarka li huwa mhux se joqgħod jispekula dwar x'se jiġri bi Brexit u sostna li hemm wisq riskji jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim.

    Il-Kummissarju Għoli Ingliż għal Malta Stuart Gill sostna li r-Renju Unit ukoll jixtieq joħroġ bi qbil mal-UE imma irrikonoxxa li baqa' ftit żmien biex dan jintlaħaq.

    Huwa qal li l-Gvern Ingliż u dak Malti ħadmu flimkien biex jipproteġu l-interessi taċ-ċittadini miż-żewġ pajjiżi u iddeskriva r-relazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ naħat bħala waħda tajba ħafna.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0