Waterpolo: Intervista ma’ Jurgen Micallef

  • Ott 10, 2019 00:34
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Konxju mill-fatt li fil-passat kont tilgħab il-football fl-irwol ta’ goalkeeper ... kif bdiet l-im­ħabba tiegħek lejn dan l-isport u kif komplejt tevolvi fih?

    Ta’ madwar seba’ snin bdejt nilgħab il-football. Li nkun goalkeeper kienet għażla naturali għalija għax jien u ħija l-kbir, Mano Micallef, konna noqgħodu nilagħbu ta’ ‘Oli e Benji’ id-dar.

    Huwa kien dejjem moħ­ħu biex jixxuttja u jiskorja u għaldaqstant ried ikun hemm xi ħadd fil-lasta ... u għażilt li noqgħod jien.

    Jien Furjaniż u għalhekk bdejt il-karriera mal-Greens ... ħlief meta ddebuttajt fil-Kampjonat Premier meta kien għad kelli 17-il sena fl-istaġun 2005/06 ... ma’ Marsaxlokk ... fit-telfa ta’ 1-0 kontra Birkirkara ... kont dħalt bħala sostitut fil-post ta’ Charlo Magro wara li kien tkeċċa l-goalkeeper Reuben Debono ... fil-perjodu ta’ Andrè Schembri, Cleaven Frendo, Kevin ‘Viper’ Sammut, Stephen Wellman, Carlo Mamo, Jamie Pace u oħrajn.

    Fl-istaġun 2008/09, għent lil Vittoriosa Stars jiksbu l-promozzjoni għall-Premier. Ta’ 18-il sena ġejt mgħajjat mat-team nazzjonali tal-U/21 mill-coaches Roger Camilleri u Mark Miller.

    Ma’ Roger Camilleri tgħal­limt ħafna u bdejt nagħ­mel progress kbir bejn il-lasti.

    Mat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena dejjem żammejt posti bħala riserva ta’ Henry Bonello sakemm fi Frar tal-2011 sofrejt injury kerha ħafna f’irkoppti fil-ligamenti tal-cruciate waqt li kont qed nilgħab ma’ Floriana Ajax fil-kampjonat tal-IASC.

    F’sena waħda għamilt żewġ operazzjonijiet hawn Malta u waħda barra minn xtutna u ġimgħat twal ta’ fiżjo-terapija iżda kien kollu għalxejn.

    Wara konsultazzjoni mal-kirurgu li kien operani, ġie suġġerit li kelli ntemm il-karriera ħesrem għall-ġid ta’ saħħti. Ġara iżda li jien, xi drabi kont ninżel nagħmel it-terapija fil-pixxina tan-Neptunes.

    Kien ikun hemm xi ex players jilagħbu bil-ballun fil-pixxina ... u ġurnata minnhom staqsejthom biex nidħol bejn il-lasti.

    Fosthom kien hemm Ġużi ‘l-Ors’ Attard li ssuġ­ġerixxa lil missieri li ninżel nilgħab il-waterpolo.

    Niftakar li missieri, Genio, kien kellem lil Joseph ‘il-Lolu’ Zammit u qallu biex immur nipprova ma’ Ta’ Xbiex għax Mario Zammit, ħu Joseph , kien il-coach ta’ Ta’ Xbiex.

    Għalkemm iffirmjat mill-ewwel ma’ Ta’ Xbiex, ġietni opportunità biex immur b’self ma’ Otters, għax dak iż-żmien kien hemm John Paris bħala player/coach u wera fiduċja fija.

    Insomma, bdejt insegwi l-logħob u nittrenja b’de­dikaz­zjoni biex nitgħallem kemm niflaħ u fl-istess sena rnexxielna nitilgħu fil-finali tan-Knock-Out.

    Bejn il-waterpolo u l-football, tħoss li hemm xi sport iktar diffiċli minn ieħor?

    Fil-veritá għadni nħoss in-nuqqas tal-football, speċ­jalment it-taħriġ u wisq aktar l-ambjent tad-dressing room. Iżda l-waterpolo hu-wa sfida akbar.

    Xogħol il-goalkeeper fil-football u fil-waterpolo hu­wa bażikament l-istess - li twaqqaf il-ballun milli jidħol fix-xibka.

    Li nsib kuntrastanti huwa li fil-waterpolo, iktar hemm iċ-ċans li turi l-abbilitajiet tiegħek meta jkollok difiża b’saħħitha, għall-kuntrarju tal-football fejn f’ħafna drabi, meta jkun hemm difiża ftit dgħajfa, il-goalkeeper ikun jista’ joħroġ l-aħjar tiegħu.

    U fil-waterpolo, il-goalkeeper ikun ħafna aktar attiv milli fil-football għax kull 30 sekonda trid tkun lest għal azzjoni perikoluża mentri fil-football kapaċi jkollok tliet azzjonijiet denja ta’ nota f’logħba sħiħa.

    Jien bniedem li nħobb ħafna l-isport u dak li jidher tqil u diffiċli, f’għajnejja narah bħala motivazzjoni għal sfida li nkun irrid negħleb.

    Fil-football tittrenja biex tkun ħafif, waqt li fil-waterpolo tittrenja biex tkun b’saħħtek.

    Imma jekk titfa’ t-tnejn fuq miżien, naħseb li l-waterpolo huwa ħafna aktar diffiċli mill-football.

    Kif dejjem tgħallimt: “Meta player jagħmel żball, ikoprieh il-goalkeeper, iżda meta goalkeeper jagħmel żball, tkoprieh ix-xibka!”

    Ħa mmorru lura għall-istaġun 2018 fejn hemm­hekk irbaħtu n-Knock-Out. X’tiftakar minn dik il-finali kontra Birżebbuġa?

    Huwa importanti li tkun lest għal-logħob mentalment daqskemm tkun lest fiżikalment u qatt ma ppreparajt ruħi tajjeb daqskemm kont preparat għall-finali ta’ dik in-Knock-Out.

    Il-finali kien mument speċjali għalija u għalkemm dejjem ippruvajt nagħti l-mija fil-mija, inħoss li din kienet l-aħjar pres­tazzjoni tiegħi kemm ilni nilgħab il-waterpolo ... mertu tal-kollettività tal-players sħabi u l-ex captain tagħna Duncan Cassar li kien dejjem jaħdem biex jarana magħ­qudin bħala familja.

    Inħoss li dakinhar konna superjuri għal Birżebbuġa f’kull dipartiment. Mat-tisfira finali l-ewwel ħaġa li ħsibt kienet l-uġiegħ ta’ qalb li ħassejt fil-konsultazzjoni mal-kirurgu meta kien qalli biex nieqaf mill-football u kemm din kienet diffiċli għalija biex naċċettaha.

    Kien mument diffiċli ħaf­na għalija speċjalment wara dik it-tbatija kollha li għaddejt minnha biex ner­ġa’ nibda nilgħab.

    U mbagħad tlaqt ngħum lejn il-partitarji u l-president tagħna, Aaron Simpson, u tlajt mill-ilma biex nirringrazzjahom tas-sapport kon­­tinwu li tawna.

    Qatt s’issa ma lgħabt logħba quddiem dik il-folla li kien hemm dakinhar fil-finali. Kien hemm atmosfera sabiħa mmens!

    Kemm għenek l-ex coach ta’ Birżebbuġa u  preżen­tament coach ta’ Marsaskala, Pierre Borg, matul dak l-istaġun?

    Nixtieq minn hawn ngħid grazzi kbira lill-coach Pierre Borg tal-fiduċja li kien wera fija mill-bidu ta’ dak l-ista­ġun.

    Konna poġġejna fuq mejda fl-ewwel ġurnata tal-pre-season u spjegali kif kien ser jgħini biex nitjieb.

    Kien fassalli programm ta’ ġimgħat ta’ training intensiv. Beda l-istaġun u ma’ kull logħba li għaddiet,   bdejt inħossni ħafna aktar komdu u b’saħħti fil-lasti.

    Ma nistgħux ma nsemmux l-istaġun li għadda li fih ksibtu double storiku. X’tikkummenta rigward dan?

    Naħseb li żgur li ħadd ma basar li bħala Marsaskala konna ser inkunu finalisti għal kull tazza kompetittiva li kien hemm fl-Ewwel Diviżjoni, wisq u wisq aktar li konna se nirbħu d-double.

    Li tirbaħ il-kampjonat bħa­la favorit huwa sabiħ, però meta sa qabel l-ewwel logħba tal-istaġun tkun      stmat li ser tissielet għat-tielet post tal-kampjonat ... u minflok tirbaħ id-double, tqanqallek sensazzjoni kbira u tassew sabiħa.

    X’inhuma l-ħsibijiet tie­għek dwar il-coach Dorian Pisani?

    Fl-opinjoni tiegħi Dorian ma kellux biċċa xogħol diffiċli x’jagħmel.

    Però, għenna ħafna bl-esperjenza kbira tiegħu fejn irnexxielu jittrasformana f’team kollettiv, li nirsistu għal xulxin u dejjem jirnex­xielu jniżżilna għal kull logħba b’qalb ta’ljun.

    X’inhuma l-ħsibijiet tie­għek fuq iż-żewġ barraninli kellkom, Konstantin Averka u Kristijan Milakovic?

    Bla dubju, Averka u Milakhovic kienu l-għażla preċiża tal-kumitat u l-pre­sident Aaron Simpson.

    Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

    Iż-żmien ta’ ċelebrazzjon­jiet għadda u issa jeħtieġ li nibda niffoka fuq l-istaġun li jmiss.

    Il-ħolma tiegħi hi li nikkompeti fl-ogħla diviżjoni. Xejn m’hu ser jaqtagħli qalbi milli niġri wara l-ħolma tiegħi.

    Ringrazzjamenti?

    Nixtieq nirringrazzjaminn qalbi lil sħabi u l-familjari kollha tiegħi tas-sapport kontinwu speċ­­jalment lill-mara tiegħi, Whitney, tas-sagrifiċċji li tagħmel għalija biex jien inkun nista’ nkompli għaddej bl-isport.

    Dan is-suċċess nixtieq niddedikah lill-partitarji kollha tagħna u lill-familjari ta’ kull min huwa nvolut għax bis-sapport kontinwu tagħ­hom, aħna nkunu nistgħu nkomplu nagħtu l-almu kollu tagħna!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0