“Kulħadd jitlaq mill-istess dgħajsa... Int għandek talent u trid tikkultivah” - Carlos Farrugia

  • Set 16, 2019 15:37
  • Miktub minn iNews
"

     

    Carlos Farrugia - wieħed mill-atturi ewlenin f'pajjiżna li f'din l-intervista jagħti diversi spunti interessanti rigward it-teatru u l-qawmien tiegħu f'dawn l-aħħar snin f'Malta. Fost oħrajn jiddeskrivi lit-teatru bħala mezz ewlieni ta' espressjoni u komunikazzjoni.

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-reċtar?

    Il-karriera teatrali bdejtha b'kumbinazzjoni. Fil-fatt fiż-żmien meta kont għadni żagħżugħ kelli xagħri twil, kont inħobb ir-rock u bil-leħja filwaqt li kont nimmudella. Kien iltaqa' miegħi Hector Bruno u qalli li la nikber jien kapaċi nagħmel sew il-parti ta' Kristu. Issa meta kont żgħir jien kont nara ħafna plays tal-passjoni. 
    Meta Hector Bruno kien proponieli din il-parti minn hemmhekk tefa' ż-żerriegħa u awtomatikament bdejt nirreċta. Ħadt sehem f'film fejn interpretajt il-parti ta' Kristu fl-aħħar ċena filwaqt li anke mad-Dumnikani kont għamilt dan l-istess personaġġ.

    Iżda llum il-ġurnata x'tippreferi l-immudellar jew ir-reċtar?
    Fil-verita' it-tnejn li huma għandhom is-sabiħ tagħhom. Kieku tgħidli llum il-ġurnata forsi ngħidlek li nippreferi r-reċtar minħabba li iktar involut fiha. Madankollu l-immudellar għeni ħafna sabiex negħleb il-mistħija. 

    Jiġifieri int kont mistħi?
    Nammetti li iva kont xi ftit mistħi. Għadni sal-lum il-ġurnata nistħi iżda meta nkun fil-palk jew fuq it-televiżjoni d-drama tgħinni sabiex negħleb kull tip ta' mistħija.

    Għaliex nistgħu nsejħu r-reċtar bħala forma ta' arti?
    Jien inqis ir-reċtar bħala forma ta' arti perfetta fejn tesprimi lilek innifsek billi tuża' ġismek kollu. Ara bħaż-żeffien juża' kollox barra ħalqu. Oscar Wilde isejjaħ ir-reċtar bħala forma ta' arti perfetta.

    Kemm hu differenti t-televiżjoni mill-palk tat-teatru?
    Il-palk u t-televiżjoni huma żewġ affarijiet kompletament differenti minn xulxin. Dan bħall-isport għax il-volleyball u l-football mhux l-istess minkejja li l-logħba tiżvolġi bil-ballun. Fit-teatru int trid tkun perfett għax dak li qed tipprova twassal lin-nies hu kollu kemm hu dirett. Trid tipproġetta l-vuċi tiegħek bl-aqwa mod possibbli u jrid ikollok enerġija liema bħalha iktar u iktar meta l-parti tiegħek tkun waħda prinċipali. Fit-televiżjoni jekk xi ħaġa ma tiġix tajba għandek ċans terġa' tagħmilha peress li d-direttur ikun qed jirrekordja x-xeni. Personalment jien iktar nippreferi t-teatru għax barra li għandek interazzjoni man-nies,  qed toħloq xi ħaġa affaxxinanti li diffiċli tispjegaha.

    Taqbel miegħi li s-serje televiżiva Gizelle kienet determinanti għall-karriera tiegħek ta' attur?
    Naqbel miegħek mija fil-mija. Kien hemm diġa' filming b'saħħtu u atturi mill-aqwa u din l-istess serje televiżiva splodiet ix-xena tad-drama f'pajjiżna.

    Kien hemm ukoll xeni li qabel kienu ċċensurati jew inkella s-suġġett tagħhom kien xi ftit taboo hux hekk?
    Iva kien hemm anke stejjer li qabel ftit kienu jissemmew bħal meta kien hemm ċirku ta' prostituzzjoni u xi nisa li ġew irrejpjati. Għal dak iż-żmien kienu xi ħaġa sensazzjonali u li rrakkuntaw realtajiet li sfortunatament jiġru. 

    Taqbel maċ-ċensura?
    Ma naqbilx maċ-ċensura fit-teatru filwaqt li fit-televiżjoni hemm dik li bl-Ingliż isejħulu rating u li naqbel ħafna magħha. 

    X'ħassejt meta kont qed tinterpreta l-parti ta' Dun Renè?
    L-ewwel darba għalija li interpretajt din il-parti u ħassejt li kienet ferm interessanti. Il-fatt li Dun Renee kellu passat diffiċli u li ma kienx jaf min hu missieru ħolqot parti intriganti ħafna li ħadt pjaċir ninterpretaha.

    Int ġieli kont ukoll bħala ambaxxatur tal-qari hux hekk?
    Ma tantx inkun ta' spiss bħala ambaxxatur tal-qari iżda ġieli mmur f'xi skola primarja u nirrakkonta xi storja lit-tfal. 

    Taqbel miegħi li t-Teatru Manoel hu wieħed mill-isbaħ teatri li hawn fl-Ewropa?
    Iva naqbel miegħek li dan it-teatru hu wieħed ferm uniku. Jien idderiġejt ħafna plays hemmhekk filwaqt li rreċtajt għal bosta drabi f'dan it-tempju tar-reċtar f'Malta. Nara li fit-teatru Manoel hemm intimita' kbira filwaqt li għandu storja kbira fejn fost l-oħrajn ma ċediex għall-bombi li kienu ntefgħu fit-tieni gwerra dinjija. 

    X'differenza tara bejn li tidderieġi u tirreċta?
    Meta int tidderieġi storja trid tkun moħħok hemm mill-bidu sal-aħħar minħabba li trid taqra l-iskript u tadattah għall-atturi li jkollok quddiemek. Fl-istess ħin int trid tistudja l-post fejn ser issir il-play għax dan jilgħab parti importanti kif ser tkun ambjentata. Meta int tkun attur, xogħlok hu li tistudja l-linji u fuq kollox tinteraġixxi bl-aħjar mod mal-oħrajn.

    Rajnik ħafna tirreċta f'St James Cavalier. X'jidhirlek minn dan il-post?
    Fil-fehma tiegħi t-teatru ta' San Ġakbu wkoll inqisu bħala post intimu fejn kemm jekk tidderieġi kif ukoll jekk tirreċta, l-udjenza twieġeb mal-ewwel. Nammetti li jogħġobni ħafna bħala teatru.

    Xi tgħidli dwar żmien il-Ġimgħa l-Kbira?

    Żmien il-Ġimgħa l-Kbira hu żmien speċjali għalija, inħobbu ħafna dan iż-żmien anke għax ġieli rreċtajt fih. Nammira wkoll il-ħidma ta’ diversi dilettanti li jtellgħu xi opri teatrali jew inkella xi wirja b’vari uniċi.

    Għadek tirreċta l-parti ta’ Kristu?

    Għalissa le imma għandi ħsieb nerġa’ nibda meta nsib iċ-ċans.

    Xi tħoss meta tinterpreta l-parti ta’ Kristu?

    Jien li studjajt il-Vanġelu ninnota kif meta ninterpreta l-parti ta’ Kristu għandek ċerta responsabbilta’. Dan hu bniedem li għal ħafna nies hu Alla. Issa lili ġieli jarawni fit-triq u jgħidu “Ara fejnu Kristu!”. Jien dħalt ħafna f’din il-parti u għalhekk naħseb li dejjem iridha toħroġli tajba.

    Għandek fidi f’Alla?

    Iva nemmen ħafna f’Alla iżda jien iktar inħossni spiritwali aktar milli reliġjuż.

    Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol personali tiegħek u anke mar-reċtar?

    Din hi domanda ferm interessanti! Inħoss li jrid ikollok organizzazzjoni ta’ ħin eċċellenti għax kieku żgur li ma tlaħħaqx.

    Int li ilek tirreċta kif rajtu jinbidel il-qasam tar-reċtar f’pajjiżna tul is-snin?

    Inbidel żgur għall-aħjar kemm fix-xena teatrali kif ukoll dik televiżiva. It-teknoloġija bidlet ċerti affarijiet ukoll. Illum il-ġurnata għandek sistema ta’ dawl u dan biddel ukoll il-mod ta’ kif palk jiġi armat.

    Taħseb li attur jista’ jgħix bid-drama biss?

    Jien naraha diffiċli għax għad hawn ċerti limitazzjonijiet.

    Iżda għad jasal żmien fejn attur ikun fid-drama full-time?

    Nerġa’ ngħidlek hi kemxejn diffiċli għalkemm bid-determinazzjoni kapaċi tasal.

    Ġieli ħsibt li tgħix barra minn Malta u taħdem hemmhekk?

    Biex inkun onest miegħek meta kont iżgħar kont naħseb f’din il-possibbilta’. Illum inħoss li diffiċli ħafna minħabba li tistabbilixxi x-xogħol hawnhekk u barra hemm kompetizzjoni kbira. Biex titħallas professjonalment mhux faċli lanqas. Biex intik eżempju f’Londra hemm l-aqwa talent u minkejja kollox ma jirnexxielhomx isibu posthom fit-teatru u jispiċċaw fit-triq bħala buskers biex jipprattikaw dak li jħobbu. Il-kejk huwa żgħir wisq għal dawn in-nies kollha.

    Int għandek ukoll l-iskola tiegħek li jisimha Free Spirit Acting. Xi tħoss meta titrażmetti dak li taf lil ħaddieħor?

    Ili 13-il sena f’din l-iskola u s-sodisfazzjon li nħoss hu enormi. Meta tara atturi li tkun ħarriġt int stess jaqbdu karriera f’din l-arti u jirnexxu jew ikollhom il-parti prinċipali tħoss ċertu ferħ indeskrivibbli. Illum ix-xogħol tiegħi wasal u għadu għaddej.

    Iżda taħseb li hawn opportunitajiet jew kif għedt int għadna limitati?

    Ifhem ejja ngħidu li l-opportunitajiet qed jiżdiedu. 12-il sena ilu kienet iktar diffiċli mil-lum. Preżentement min għandu t-talent qed jkabbru għax qed isib l-għajnuna.

    Attur titwieled jew issir?

    Jien ma sirt xejn. Dak il-fattur twieled ġo fija. Trid tikkultivah bħall-parabbola li qal Kristu fuq it-talenti. Int għandek talent u trid tieħu ħsiebu.

    Nixtieqek li tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lit-tfal u ż-żgħażagħ li huma interessati li jaqbdu karriera fir-reċtar.

    L-ewwel u qabel kollox ma trid taqta’ qalbek qatt. Illum hawn skejjel speċjalizzati fid-drama u qatt tgħid li mhux tajjeb. Kulħadd jitlaq mill-istess dgħajsa. Prova tħarreġ kemm tista’ u jekk ma tasalx taqtax qalbek. Erġa’ pprova.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0