Il-kotba u l-films ta’ Harry Potter ''perikolużi''... L-eżorċista Fr Franco Fenech b’sogħba jgħid li skola f’Malta għamlet dawn il-kotba parti mill-kurrikulu

  • Set 14, 2019 09:55
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    “Id-deċiżjoni ta’ Rev. Dan Reehil tal-Iskola Kattolika St. Edward's f’Nashville mhix sorpriża għalija anzi hija ta’ sodisfazzjon u nażżarda ngħid, mhux biss għalija imma għalina bħala eżorċisti, għax sa mill-bidu ta’ din is-sensiela ta’ films u kotba ta’ “Harry Potter”, aħna esprimejna diversi drabi t-tħassib tagħna dwar il-kontenut tagħhom.” Sostna dan l-eżorċista Fr Franco Fenech wara li inewsmalta.com staqsa jekk il-kotba ta’ “Harry Potter” humiex perikolużi wara li skola f’Nashville neħħithom mil-liberija tagħha. L-eżorċista kkonferma li din is-sensiela ta’ films u kotba tippreżenta diversi perikli iżda b’sogħba jgħid li f’Malta skola partikolari għamlet dawn il-kotba bħala parti mill-kurrikulu tal-Ingliż tal-istudenti tagħha. Skola Kattolika f’Nashville kienet fuq l-aħbarijiet dan l-aħħar wara ttieħdet deċiżjoni amministrattiva biex jitneħħew is-serje tal-kotba “Harry Potter”.

    Ix-xahar li għadda, Dan Reehill, il-pastor tal-iskola Santu Edwardu bagħat imejl lill-istaff fejn spjega għala neħħa dawn il-kotba mil-librerija tal-istess skola. “Dawn il-kotba jwasslu l-messaġġ li l-maġija tista’ tkun kemm tajba kif ukoll ħażina u dan mhux minnu,” kiteb Rev. Reehill fl-imejl. Huwa qal li dawn il-kotba fihom riti ta’ magħmul u jwasslu s-saħta għax jinterpellaw spirti ħżiena fil-preżenza tal-persuni li jaqrawhom. Kurżità li tista’ tinstiga lit-tfal jesperimentaw bil-maġija… Fr Franco Fenech, li huwa wieħed mill-patrijiet Kapuċċini eżorċisti uffiċjali fil-Kummissjoni Djoċesana dwar l-Okkult u s-Sataniżmu f’Malta, permezz ta’ dan il-ġurnal għamel appell biex kulħadd jifhem li dawn il-films u l-kotba ta’ “Harry Potter” qegħdin jiġu ppreżentati bħala materjal tajjeb għat-tfal ta’ kull età u dan jippreżenta diversi perikli.

    “It-tfal ta’ età żgħira m’humiex kapaċi jagħmlu distinzjoni bejn ir-realtà u l-fantasija. Għalhekk faċli li d-dinja tal-maġija li fil-films u l-kotba ta’ “Harry Potter” hija ppreżentata b’mod affaxxinanti, iqanqlu ħafna kurżità u jinstigaw lit-tfal biex ikomplu jesperimentaw bil-maġija u bl-okkult li jistgħu jwasslu wkoll għal prattici aktar fondi ta’ sataniżmu,” wissa l-eżorċista. Huwa qal li llum il-ġurnata huwa faċli ħafna li wieħed jissodisfa l-kurzità tiegħu minħabba l-aċċess għall-Internet li mhux dejjem tkun informazzjoni kostruttiva jew edukattiva, imma ħafna drabi tkun informazzjoni li tesponik għal diversi perikli. “Biex nagħmluha ċara, ħadd m’hu se jkollu xi ħakma tax-xitan għax jaqra jew jara “Harry Potter”, imma dawn jistgħu jqanqlu l-kurżità li tkun il-bidu ta’ sperimentazzjoni fir-rigward tad-dinja okkulta.” L-eżorċista żied jgħid li l-kotba ta' “Harry Potter” jinkludu ġrajjiet u kliem f’aktar dettall mill-films. Min ra dawn il-kotba jaf li fihom hemm imniżżlin riti ta' magħmul (spells) b’mod litterali. Tant huma miktuba fid-dettal li meta wieħed ikun qiegħed jaqrahom, ikun qisu qiegħed jattwa u jattiva dak il-ħin stess dak li hemm miktub.

    “Il-problema tagħna hija li tant id-dinja ġiet ibbombardjata minn dan ix-xorta ta' materjal: fil-cartoons, films, diski u mużika eċċ.. li għalina saret kultura. Din hija l-iżjed ħaġa li hi perikoluża! Xejn ma għadu ‘jaħsad’, imma kollox sar parti mill-ħajja ta’ kuljum,” sostna Fr Fenech. Huwa qal li għalhekk kollox huwa accettabbli, saħanistra l-fatt li nħallu lil min għandu skopijiet li jkisser il-futur, l-intelliġenza u l-ħajja tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. “Tant hu hekk, li meta aħna għal diversi drabi ġbidna l-attenzjoni fuq il-bżonn li nkunu attenti għall-kontenut tal-kotba u films ta’ “Harry Potter”, waħda mill-iskejjel privati għażlithom bħala text book tal-Ingliż għall-istudenti kollha,” qal b’diżappunt l-eżorċista. Huwa qal li dan jigifieri lill-istudenti ċaħħduhom mill-għażla u l-libertà li jaqraw il-kotba jekk iridu u tawhomlhom bħala obbligatorju.

    “Dan huwa messaġġ negattiv ħafna li ngħata minn din l-iskola partikolari. Minflok insistew mal-istudenti li huma għandhom dejjem jistaqsu u jieħdu parir qabel ma jwettqu xi ħaga dubjuża, urewhom li t-tajjeb u l-ħazin m’hu xejn ħlief xi ħaġa suġġettiva - dak li naħseb li hu tajjeb għalija huwa tajjeb u dak li naħseb li hu ħażin għalija hu ħażin,” kompla Fr Fenech. Il-Knisja f’Malta sa mill-1995 waqqfet kummissjoni biex teduka u tistudja dwar dan is-suġġett- l-okkult u s-sataniżmu. L-eżorċist qal li meta din il-Kummissjoni taghti l-pariri tagħha dwar dan is-suġġett, ma tibbażax dan fuq opinjoni personali imma wara studju, pariri u esperjenzi. “Dan tagħmlu biex, min irid, ikun jaf bil-konsegwenzi ta’ ċerti prattiċi qabel jagħmilhom u jkollu gwida għall-ħajja tiegħu. Imma kif ngħidu, m’hemmx għami akbar minn dak li ma jridx jara u m’hemmx injorant akbar minn dak li ma jridx jitgħallem,” temm Fr Franco Fenech. Il-pass f’Nashville ttieħed wara konsultazzjoni mal-Vatikan Rev. Dan Reehil ħabbar li qabel ma ħa dan il-pass huwa kkonsulta ma’ eżorċisti mill-katekeżi tal-Knisja Kattolika kemm f’Ruma, kif ukoll fl-Istati Uniti. Barra li qajjem il-punt tas-saħta f’dawn il-kotba, Reehil ġab argumenti filosofiċi fejn qal li l-protagonisti ta’ “Harry Potter” jippromwovu approċċ Machiavellian biex jilħqu l-għanjiet tagħhom. Rick Musacchio, id-direttur tad-djoċesi Amerikana qal lis-CNN li r-rwol ta’ Reehill huwa dak ta’ pastor fi skola tal-Knisja u dan ir-rwol jagħtih is-setgħa li jieħu passi li jidhrulu xierqa fit-tmexxija tal-istess skola.

    Fi kliem ieħor, id-deċiżjonijiet tiegħu mhux neċessarjament għandhom ikunu approvati mid-djoċesi u dan sakemm ma jkunx xi pass drastiku u/jew kompletament differenti minn dak li tħaddan il-Knisja. Wara li dan il-pass ġibed l-attenzjoni tal-midja, is-Supretendent tal-Iskejjel tal-Knisja, Rebecca Hammel kitbet lill-istaff tal-iskola biex tagħmel kjarifika għall-kwistjoni li nqalgħet meta tneħħew il-kotba ta’ “Harry Potter”. Hija għamiltha ċara li l-iskola mhix tipprojbixxi dawn il-kotba, iżda din is-serje mhix parti mill-kurrikulu edukattiv u l-istudenti xorta jistgħu jaqraw il-kotba fl-iskola. Hammel qalet li d-deċiżjoni li dawn il-kotba jitneħħew mil-librerija saret bħala parti minn proġett skolastiku li fih il-librerija se titmexxa minn post għall-ieħor. F’dan il-proġett il-lista ta’ kotba tal-librerija ġiet riveduta u xi kotba tneħħew minħabba li ma kienux adattati għall-etajiet tal-istudenti mentri oħrajn tneħħew minħabba nuqqas ta’ popolarità. Is-Supretendent qalet li s-serje tal-kotba ta’ “Harry Potter” tul is-snin saret popolari minħabba l-maġija u s-sħaħar. “Filwaqt li l-Knisja Kattolika ma ħaditx pożizzjoni ċara dwar dawn il-kotba u l-films, ħafna membri tal-Knisja, anke dawk fl-għola pożizzjonijiet, esprimew tħassib minħabba li l-kontenut jista’ ma jkunx adattat għal qarrejja immaturi. Inħallu d-deċiżjoni f’idejn il-ġenituri jekk uliedhom jistgħux jaqraw dawn it-tip ta’ kotba jew le,” kompliet Hammel.

    Mill-ewwel pubblikazzjoni tal-kotba ta’ “Harry Potter” fl-1997 qam dibattitu reliġjuż minħabba s-suġġetti miġbura fir-rakkonti fosthom il-mistiċiżmu, l-okkult u temi oħra li jmorru kontra t-twemmin Kristjan u Iżlamiku. Fl-2006 din is-serje kienet ikklassifikata fost l-aktar kotba kontroversjali tas-seklu 21.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0