“In-natura nħossha l-mutur tiegħi... Inħossni kuntent meta nkun ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali”

  • Aww 19, 2019 14:38
  • Miktub minn iNews
"

    Peter Paul Galea - 'lead man' tal-grupp ferm popolari Malti 'Tribali' u li f'din l-intervista jistqarr kemm permezz tal-mużika li huma jdoqqu bħala grupp jirnexxielhom isibu l-paċi fil-qalb u l-kuntentizza sinċiera.

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika?

    Kienet ommi li ntroduċietni għall-mużika. Ommi twieldet iż-Żurrieq u ġejja minn familja mużikali. Kienet tgħidli li meta kienet żgħira xtaqet pjanu li iżda qatt ma wasal. Imbagħad qaltli wkoll li jekk tiżżewweġ u jkollha t-tfal kienet ser tibgħatna lezzjonijiet tal-pjanu. Fil-fatt jien bdejt ta’ sitt snin nitgħallem il-pjanu u dawn kienu l-ewwel żminijiet li kelli kuntatt mal-mużika. 

    Għadek iddoqqu l-pjanu?

    Iva dażgur. Nuża’ ħafna l-pjanu meta niġi biex nikteb il-mużika. 

    Ġieli tħajjart tuża’ l-pjanu waqt il-kunċerti tiegħek?

    Iva ġieli użajtu speċjalment fl-aħħar album li ħriġna. 

    Kif twaqqaf il-grupp Tribali?

    Kollox beda meta kellna grupp li jien kont indoqq miegħu u kien jismuLimestoneKick. Dak iż-żmien kemm aħna kif ukoll TheCharacters konna sejrin tajjeb ħafna. Kellna wkoll kuntatti barra minn xtutna. Madankollu żewġ membri tal-grupp kellhom xi jgħidu u LimestoneKick ma baqax jeżisti. Kont ser nagħlaq 30 sena u ma kellix tfajla. Kien għalhekk li qbadt u mort l-Indja u kulma ħadt hu basket żgħir u xejn iktar. Kien hemmhekk li ltqajt ma’ Antoine, id-drummer tal-grupp u hemmhekk kien joqgħod jimprovizza kif ukoll jiġġamja. Il-mod ta’ kif kien idoqq għoġobni u kien qalli li jixtieq jagħmel proġett miegħi. Kienet is-sena 2003 u bdejna niffurmaw il-mużiċisti filwaqt li nitħarrġu f’kamra fuq il-bejt.  Konna ħriġna l-ewwel diska bl-isem ta’ NeverGiveUp. 

    Minn fejn ġie l-isem Tribali?

    Kien id-drummer Antoine li ħareġ bl-isem. Hu kien idoqq fil-boatparties u jmexxihom hu. Hu ħa dan l-isem mill-element tat-tribujiet Afrikani u tista’ tgħid li baqa’ popolari matul is-snin. 

    Tikkonferma li NeverGiveUp kienet l-ikbar diska tagħkom bħala Tribali?

    NeverGiveUp kienet l-ikbar diska li ntroduċietna mal-pubbliku. Għandu ritmu sempliċi iżda b’messaġġ pożittiv. Titkellem dwar kien il-bniedem qatt m’għandu jaqta’ qalbu quddiem xi problema. Jekk hu jirrikonoxxi li għandu xi ħaġa li jrid jirranġa, irid jaħdem fuqha u ma jirrepetihiex. 

    Meta kont l-Indja ispirajt ruħek fuq ir-reliġjon tal-Ħindu?

    Biex ngħidlek il-verita’ jien ma tantx nemmen f’reliġjonijiet. Nemmen f’Alla  li hu enerġija partikolari li ttina l-ispirtu tagħna. It-tempju tiegħi jinsab f’qalbi għax inħobb nagħmel il-ġid u nħobb lill-proxxmu.

    Għaliex int idoqq żaqqek barra waqt xi kunċerti?

    Kollox beda b’kumbinazzjoni. Niftakar li darba l-maniġer tagħna Howard Keats kien qiegħed waqt ir-rehearsal tagħna u kienet ħafna sħana u għalhekk neża’ żaqqu barra. Ftit wara kien issuġġerieli sabiex nipprova ndoqq hekk u nagħmlu wkoll xi bodypainting. Għamiltha darba u bqajt nagħmilha u issa saret sinonima miegħi. 

    Għandek ukoll numru ta’ tattoos. Xi tgħidli fuqhom?

    Kull tpinġija li għandi fiha l-istorja tagħha. Meta kelli 18-il sena ħassejtni qisni għasfur li ħriġt mill-gaġġa u għalkemm kelli ġenituri li kienu ferm iddixxiplinati xorta ridt nagħmel l-ewwel tpinġija tiegħi. Aktar ma’ beda għaddej iż-żmien, aktar bdejt inżid u anke meta mort l-Indja għamilt waħda. 

    Kemm bidlitlek ħajtek l-Indja?

    Biddlitli ħajti ta’ taħt fuq u ġabitni aktar konxju fuq ħafna affarijiet. Jinqatgħulek iċ-ċuċati kollha li aħna mogħnija bihom aħna l-Maltin. B’xorti ħażina aħna ngħixu f’soċjeta’ li qed tonqsilna s-sempliċita’ u l-kuntentizza. Fl-Indja tikkuntenta bix-xejn u xorta tkun kuntent. 

    Kif tħossok man-natura?

    In-natura nħossha l-mutur tiegħi. Inħoss li hemm konnessjoni kbira bejn in-natura u l-ispiritwalita’. 

    X’taħseb li hemm wara l-mewt?

    Din hi mistoqsija partikolari. Nemmen li wara l-mewt tmur f’dak il-post fejn int tiġi rinkarnat. Għalkemm biex ngħidlek il-verita’ ma tantx għandi interess x’jiġri għax li jinteressani huwa l-mument. 

    Kemm huma importanti għalik il-flus?

    Il-flus mhumiex importanti għalija. Jien narahom bħala neċessita’ li biha tkompli l-ħajja. Li ma nistax nifhem hu kif ħafna nies interessati li jagħmlu l-flus u jippruvaw jgħaddu minn fuq kulħadd. Jimlew xkora, jimlew tnejn u mbagħad jsiru anzjani u forsi jimirdu u f’qalbi ngħid ħadmu kemm felħu tul ħajjithom kollha biex issa jinsabu f’dik il-pożizzjoni. 

    Fejn issib il-ferħ u l-paċi f’qalbek?

    Inħossni kuntent meta nkun ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali. Inkun ferm komdu magħhom għax m’għandhomx ħażen u jafu jħobbu ta’ veru. 

    Kemm jgħinek il-volontarjat barra minn Malta?

    Nistqarr miegħek li jgħinni ħafna. Bħalissa għandna diversi proġetti għaddejjin fosthom fil-Filippini eżattament fil-belt ta’ GuataHan fejn hemm Fr Joe Cremona li qed jagħmel ġid kbir ma’ tfal ta’ eta’ tenera li huma esposti għal diversi perikli. Fr Joe qed jiġborhom u qed ngħallmuhom il-mużika b’mod professjonali permezz ta’ Skype. Tista’ tgħid li dawn il-proġett kiber mhux ftit. Qed ngħin ukoll orfanatrofju fl-Uganda fejn hemmhekk ukoll hemm storja ta’ qsim il-qalb. Mara ħadet ħsieb tiġbor it-tfal u issa lħaqna d-90 tifel u tifla. 

    Ħloqna wkoll proġett fl-Etjopja fejn għamilna tankijiet tal-ilma komdi għal dawk li jixtiequ jużawh biex jixorbu jew jinħaslu. Qabel dawn in-nies kien ikollhom jimxu distanzi twal biex iġibu żewġ bramel ilma. Fl-aħħarnett fil-Gwatemala għamilna proġett sempliċi fejn dawk li jgħixu fil-hutsnibnulhom fran sabiex isajru u ma jibilgħux ħafna duħħan. 

    Kemm-il darba tmur f’postijiet bħal dawn?

    L-iktar li mmur hu fil-Filippini. Kont ħadt ukoll lil ommi u missieri. Baqgħu impressjonati b’dak li raw.

    Taħseb li tmur toqgħod għalkollox fl-Indja?

    Ħafna jsaqsuhieli. Madankollu nħobb lil Malta għax għandi l-familja u l-ħbieb hawn. Sfortunatament pajjiżna qed jittiekel b’ħafna bini bl-addoċċ. Nemmen ukoll li wara ċertu żmien Malta ssir wisq popolata u hemmhekk fejn infittex il-kwiet. 

    Ma tħossx li f’Malta hawn ħafna nies imdejqin u inqas ferħanin b’dak li għandhom?

    Iva sfortunatament qed jiżdiedu dawn in-nies. Suppost kulħadd b’idejh ‘il fuq jifraħ qisna skorjajna l-gowl tar-rebħa. Iżda le hawn nies li huma mdejjqin, egoisti, bin-nervi u mitt elf ħaġ’oħra. U sinċerament m’għandhomx għalfejn! Għandna l-ġid kollu possibbli iżda m’aħniex kuntenti. Ma tagħmilx sens! Fl-Indja l-affarijiet differenti. Kulħadd kuntent bis-sempliċita’ li għandu. 

    X’inhuma l-attivitajiet li tieħdu sehem fihom bħala Tribali?

    Peress li f’Malta u Għawdex l-istil tagħna limitat inħoss li dejjem jiġu l-istess nies għall-wirjiet tagħna. Madankollu nagħmlu tliet kunċerti kbar f’sena. Matul din is-sena ser immorru r-Rumanija fil-foresta filwaqt li għandna wkoll kunċert fil-GermanyWorldMusic Festival. Finalment ser immorru wkoll l-Ungerija, pajjiż li nitilgħu spiss hemm. 

    Xi tħoss meta ddoqq barra minn Malta?

    Hi emozzjoni ferm sabiħa. Ninnota li jkollna ħafna segwaċi u l-ewwel darba li jisimgħuk ikollhom kurżita kbira. Aħna bħala grupp insemmuha ħafna lil Malta. 

    Int tgħix bil-mużika biss?

    Iva għalkemm mhux faċli. Iżda peress li m’għandix tfal ħadt id-deċiżjoni li nieqaf mix-xogħol li kont qed nagħmel u niffoka fuq il-mużika. Fl-istess ħin ikolli ġurnata kif nixtieq jien mingħajr ħafna sikkatura. F’dan iż-żmien qed ikolli l-opportunita’ nagħmel ħafna xogħol ta’ volontarjat bi żjarat fil-ħabs u fi djar fejn hemm persuni b’diżabbilta’. 

    Taħseb li l-kantanti Maltin jistgħu jgħixu bil-mużika?

    Skont id-direzzjoni li kantant jieħu! Illum il-ġurnata hawn ħafna baned u gruppi bravi li joffru servizzi tal-ġenn. Fl-aħħar mill-aħħar huma jitħallsu kemm jixirqilhom għax jagħtu servizz tajjeb ħafna. Fl-istess ħin hawn diversi djs li qed idoqqu fi klabbs u jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna. Għalhekk nasal biex ngħid li hawn artisti li kapaċi jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum bil-mużika. 

    Taħseb li l-pubbliku Malti jirrikonoxxi biżżejjed lill-kantanti lokali?

    Nemmen li jirrikonoxxih mhux ħażin. Jien nirringrazzja lis-segwaċi tiegħi li dejjem sibt kuraġġ u sapport mingħandhom. L-għarfien lejn il-mużika Maltija żdied mhux ħażin. 

    Ma taħsibx li t-tfal Maltin tilfu kull tip ta’ valur u ma sarx għandhom rispett lejn l-għalliema?

    Ħa ngħidlek ma nistgħu nippuntawsubgħajna lejhom biss. Veru li llum kulħadd bit-tablet, mowbajl u x’naf jien, iżda veru wkoll li lil uliedna sraqnilhom it-triq. Meta qed ngħid hekk inkun qed nirreferi għan-nuqqas ta’ spazju li għandhom it-tfal sabiex jilagħbu. Aħna fl-antik konna nilagħbu barra fit-triq iżda llum għidli fejn tista’ tagħmel hekk bit-traffiku li hawn u bil-bini li tiela’!

    Li niddejjaq hi meta l-ġenituri jużaw it-teknoloġija biex jagħlqu ħalq it-tfal jew biex jeħilsu minnhom. F’dak il-każ aħjar tmur timxi mixja fin-natura għax dik żgur neqsin minnha t-tfal tagħna llum il-ġurnata. 

    Int kemm tużaha t-teknoloġija?

    Biex ngħidlek il-verita’ ftit nifhem fil-kompjuter għalkemm dan l-aħħar kelli naġġorna ruħi għax it-teknoloġija għamlet passi tal-ġgant fejn għandu x’jaqsam mużika. B’hekk xtrajt laptop u programm bis-soundcard filwaqt li bdejt nitgħallem ftit ftit. Illum inħossni xxurtjat li qed nuża’ dan l-apparat għax kapaċi jagħmel il-mirakli. 

    X’ser ikun il-futur tiegħek?

    Bħalissa għaddejjin bil-festival fl-Ewropa. F’Settembru ser nieħdu sehem f’festival ieħor lokali u beħsiebna nkomplu nxerrdu l-mużika tagħna kulfejn nistgħu mmorru. 

    Għandek xi rolemodel partikolari?

    Kif diġa’ għedtlek aktar qabel, il-persuna li ispiratni bil-missjoni u l-kwotazzjonijiet tagħha kienet Madre Teresa ta’ Kalkutta. Mix-xejn irnexxielha toħloq kuxjenza sabiex il-fqar ukoll jiġu trattati u jingħataw għajnuna. 

    Kemm ħassejt in-nuqqas ta’ Fr George Grima?

    Ħassejt ħafna n-nuqqas tiegħu. L-aħħar li tkellimna kien fuq Messenger fejn talabni sabiex nitlob għalih. Kien bniedem kbir li għen u żviluppa l-kunċett ta’ Ġesu fil-Proxxmu. Kellu proġetti kbar fejn jidħlu bnedmin lebbrużi u oħrajn li jesperjenzaw tbatija fiżika.  

    Nixtieqek tgħaddili messaġġ lil dawk lil dawk il-persuni li qed jaqraw din l-intervista.

    L-ewwelnett nawgura lil dak li jkun sabiex idur dawra madwaru. Illum qed ngħixu f’dinja fejn kollox sar mgħaġġel u faċli tintelaq mal-kurrent u ma jkollokx ċans tara x’qed jiġri madwarek. Il-bniedem għandu bżonn iqatta’ ftit ħin man-natura għax hemmhekk isib lilu nnifsu. Fin-natura tista’ tara ħafna affarijiet b’xejn u spettakolari bħal tlugħ ix-xemx u bosta ħlejjaq. 

    Fuq kollox importanti li nifhmu lil xulxin u noħolqu tbissima fuq wiċċ dak li jkun. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0