Bijologu Spanjol jaħdem fuq ibridi bejn umani u xadini fiċ-Ċina

  • Aww 18, 2019 15:23
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Rapporti f’midja prominenti Spanjola qegħdin jgħidu li l-bijologu Juan Carlos Izpisua Belmonte, li fil-preżent jaħdem barra mill-Istitut Salk f’Kalifornja, qed jaħdem ma’ xjentisti Ċiniżi biex joħolqu “mostri” ibridi bejn bnedmin u annimali. Qed jingħad li dawn huma magħmulin minn ċelloli umani li jiġu injettati fl-embrijuni tal-annimali. 

    L-idea hi li ssir infużjoni ta’ ċelloli umani li kapaċi jaddattaw fl-embrijuni tal-annimali, bil-għan li jinħolqu annimali li għandhom organi li jixbħu dawk tal-umani. Dawn l-organi jistgħu jkunu utli għar-riċerja medika u jistgħu anke jiġu trapjantati fil-bniedem u jnaqqsu mill-istennija għat-trapjanti tal-organi. 

    Jidher li din l-idea li jinħolqu ibridi ta’ umani-xadini hi inqas inkwetanti minn ideat oħra li għandhom iċ-Ċiniżi biex joħolqu l-provvista ta’ organi. Jidher li fl-ewwel esperimenti li saru kienu involuti l-ħnieżer u n-nagħaġ.

    Fil-Ġappun ukoll jidher li qegħdin isiru tentattivi biex jinħolqu minn dawn l-ibridi. F’dan il-każ, l-ibridi huma bejn umani u ġrieden. Għal dan il-proġett, ħadu mal-għaxar snin biex ħejjew ir-riċerka xjentifika u legali kollha li kien bżonn. Fil-bidu ta’ din is-sena l-proġett kien ġie pprojbit mill-Gvern Ġappuniż, iżda mbagħad ġie awtorizzat wara li xi tħassib etiku ġie indirizzat u wara li saret enfasi fuq il-potenzjal mediku li jistgħu joffru dawn l-ibridi. Riċerkaturi Ġappuniżi huma konvinti li dalwaqt ikunu jistgħu jużaw dawn l-ibridi biex joħolqu pancreas umani li jista’ jintuża fit-trapjanti billi jużaw annimali akbar bħan-nagħaġ. 

    Ix-xjentist Hiromitsu Nakauchi spjega li n-numru ta’ ċelloli umani li jitkabbru fl-iġsma tan-nagħaġ hu żgħir ħafna u għalhekk m’hemm qatt il-periklu li jikbru xi forom ta’ umani. 

    L-esperimenti li qegħdin isiru fuq ix-xadini fiċ-Ċina huma aktar inkwetanti mil-lat etiku. Fil-fatt, hu proprju għalhekk li qegħdin isiru fiċ-Ċina u mhux postijiet oħra bħall-Istati Uniti. Il-ligi Amerikana tipprojbixxi l-użu ta’ fondi federali milli jintużaw biex jinħolqu embrijuni ibridi bejn l-umani u x-xadini. Min-naħa l-oħra, dawn l-esperimenti jistgħu jwasslu għal aktar riżultati peress li x-xadini huma ġenetikament eqreb lejn l-umani minn suġġetti oħra li ġew użati qabel. 

    Ta’ min wieħed isemmi li kien hemm diversi oġġezzjonijiet għal dan il-proġett. Ir-riċerkatur veterinarju mill-Università ta’ Kalifornja, Pablo Ross li kien ħadem ma’ Salk fuq l-ibridi bejn il-ħnieżer u l-umani, qal li ma jħossx li jagħmel sens li tkabbar l-organi umani fix-xadini. Sostna li hu dejjem qal li ma jagħmilx sens li tuża primat għal dan il-għan peress li huma żgħar u jieħdu fit-tul biex jiżviluppaw. Qal ukoll li hu jissuspetta li r-riċerkaturi għandhom f’moħħhom mistoqsijiet aktar bażiċi bħal mistoqsijiet dwar id-distanza tal-evoluzzjoni u l-fruntieri bejn l-ispeċi. 

    Min-naħa l-oħra, riċerkatriċi Spanjola li qiegħda taħdem fuq il-proġett, Estrella Nunez mill-Università Kattolika ta’ Murcia qalet li r-riżultati li diġà kisbu huma pożittivi. Madankollu, l-embrijuni ibridi s’issa ma tħallewx jgħixu iżjed minn ftit ġimgħat. 

    Jidher li hu diffiċli li dawn l-ibridi jinżammu ħajjin għax iċ-ċelloli tal-umani u tal-annimali jiġġieldu kontra xulxin u ċ-ċelloli umani jmorru pjuttost minn taħt. Fil-fatt, ir-riċerkaturi baqgħu affaxxinati mill-fenomenu ta’ kompetizzjoni bejn iċ-ċelloli u jemmnu li tista’ eventwalment tiġi kkontrollata biex issir il-produzzjoni tal-organi li mbagħad jistgħu jiġu trapjantati u li jkun ferm aħjar fil-kwalità.  

    Ovvjament, f’dan kollu hemm il-biża’ li r-riċerka tista’ toħloq annimal ferm aktar intelliġenti. Fil-fatt, il-Gvern Ġappuniż wassal il-ħsibijiet tiegħu li dawn l-ibridi jistgħu jsiru tant intelliġenti li jitolbu d-drittijiet tagħhom, anke jekk ma jkunux kapaċi jaħsbu bħall-bniedem jew jitkellmu. Filwaqt li hemm bżonn provvista ta’ organi għat-trapjanti, min-naħa l-oħra jrid jinżamm bilanċ delikat mat-tħassib etiku u l-kumplikazzonijiet legali. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0