Volleyball: Intervista mal-leġġendarja Taljana Francesca Piccinini

  • Lul 21, 2019 00:51
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Francesca Piccinini twieldet fil-belt Taljana ta’ Massa, nhar l-10 ta’ Jannar, 1979, u hi player tal-volleyball. Hija rrappreżentat lill-Italja f’erba’ edizzjonijiet tal-logħob Olimpiku bejn is-sena 2000 u l-2012.

    Francesca kienet parti mit-team nazzjonali tan-nisa li rebħu l-midalja tad-deheb fil-Kampjonat Dinja li sar fil-Ġermanja, fl-2002.

    Hija għamlet id-debutt tagħha internazzjonali, fl-10 ta’ Ġunju, 1995, kontra l-Istati Uniti ... u ġiet ispirata li tibda l-karriera tagħha tal-volleyball mill-famużi cartoons li kienu jintwerew fis-snin tmenin fuq l-is­taz­zjo­ni­jiet tal-Mediaset u kien jismu Mimi e La Nazionale della Pallavolo, kif ukoll Mila e Shiro.

    Piccinini lagħbet b’mod professjonali ma’ Club Volley Bergamo fejn rebħet l-unur tal-aqwa player meta t-team tagħha rebaħ il-kam­pjonat fl-istaġun 2009/10.

    Piccinini ħadet sehem ukoll fil-kampjonati mondjali tal-2014 mat-team nazzjonali Taljan. Dawn tal-aħħar waslu sar-raba’ post ta’ din il-kompetizzjoni biex b’hekk tilfu l-midalja tal-bronż meta tilfu 3-2 kontra l-Brażil.

    Anke fl-2016 reġgħet rebħet l-unur tal-aqwa player meta t-team tagħha Pomi Casalmaggiore rebaħ fil-CEV Deniz Bank Cham­pions League Vakifbank.

    Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-volleyball?

    Dan l-isport tant sabiħ bdejt inħobbu wara li kont qed insegwi s-serje ta’ cartoons -  Milo e Shiro u Mimi e La Nazionale di Pallavolo.

    Kien għad kelli biss tmien snin u mmedjatament bdejt infittex club fejn inkun nista’ nibda nitħarreġ f’din il-logħba.

    Mila e Shiro kien ġie prodott fil-Ġappun u ironikament ftit tas-snin ilu mort f’dan il-pajjiż u lgħabt kontrih.

    Int iddebuttajt mat-team tal-kbar meta kellek biss 14-il sena. X’kienu l-emoz­zjonijiet tiegħek dak il-ħin?

    Nistqarr miegħek li kie­net esperjenza sabiħa fejn kont iddebuttajt mat-team tal-kbar. Mhux xi ħaġa li tiġri ta’ kuljum.

    Ngħidlek ukoll li ħdimt ħafna sakemm wasalt għal dan it-tragward. Anke llum stess għadni qed nipprova nżomm ruħi bl-aqwa mod possibbli.

    Il-fatt li ta’ 14-il sena biss ingħatajt id-debutt ħassejtni li tlift ħafna miż-żgħożija tiegħi. Trid tqis li jien lgħabt kontra players ikbar minni u ridt nitħarreġ ta’ spiss sakemm wasalt għall-aqwa livelli possibbli.

    Kif tgħixha din il-popolaritá kbira li għandek f’paj­jiżek?

    Jien ninsab trankwilla u fl-istess ħin dejjem saqajja mal-art minkejja li lħaqt din il-popolaritá kollha.

    Ninsab kuntenta li jien l-idolu taż-żgħażagħ Taljani li apparti li jfittxuni għall-firma, jarawni bħala eżem­pju għal ħajjithom. Jien narani persuna normali u ma nħossx li għandi nitkabbar b’dak li ksibt.

    Xi tfisser għalik il-belt ta’ Bergamo?

    Għalija Bergamo tfisser ħafna. Għamilt 13-il sena nilgħab magħhom u rnex­xieli nirbaħ ħafna trofej. Volley Bergamo hu t-team li għamilni famuża u li tejjibli l-wirjiet tiegħi bħala player tal-volleyball.

    Kelli ħafna objettivi li lħaqthom u bir-rebħ ġibna ħaf­na riżultati sbieħ li dif­fiċli tinsihom. 

    Kif kienet  l-esperjenza tie­għek mat-team nazzjo­nali Taljan?

    Anke mat-team nazzjo­nali Taljan kelli mumenti sbieħ u memorabbli. Irnex­xieli saħansitra nikkompeti f’erba edizzjonijiet tal-Logħob Olimpiku. 

    Dawn it-tip ta’ kompetizzjonijiet fuq livell mondjali huma xi ħaġa verament kbira li tasal biex tikkompeti għalihom. 

    Madankollu jibqa’ d-di­żappunt fl-ewwel tliet edizzjonijiet minħabba li ma wasalniex daqshekk ‘il bogħod u ma rnexxilniex nirbħu midalja.

    Konna viċin kemm fis-sena 2008, f’Beijing, u anke erba’ snin wara f’Londra iżda wasalna biss sas-semifinali. Minkejja kollox, xorta jibqa’ s-sodisafazzjon li  ħadt sehem f’dawn il-kom­pe­tizzjonijiet

    Xi tfisser għalik li int waħda mill-iktar nisa ta’ suċċess li hemm fil-peninsula Taljana?

    Hi xi ħaġa li tagħtini ħafna pjaċir u fl-istess ħin timlini b’ħafna responsabbiltá minħabba li kif għedtlek aktar qabel tfajliet żgħar iħarsu lejja b’ċertu ammirazzjoni.

    Għalhekk jien irrid inġib eżempju tajjeb kulfejn inkun sabiex dejjem inkun mudell ta’ responsabbiltá, dedikaz­zjoni u lealta’ lejn il-flokk li nilbes. 

    X’inhi r-relazzjoni tie­għek mal-coaches li kellek u li għandek preżentament?

    Tista’ taħseb li wara dawn is-snin kollha nilgħab il-volleyball, kont taħt il-gwida ta’ ħafna coaches li b’xi mod jew ieħor dejjem tgħallimt mingħandhom.

    Bis-saħħa tagħhom jien kbirt mhux biss fiżikament iżda wkoll fl-abbiltá tiegħi f’din il-logħba li tant inħobb.

    Kelli coaches taz-zokkor kif jgħidu, iżda kelli oħrajn li kienu ta’ dixxiplina kbira u li xi drabi mhux dejjem feh­muni.

    Madankollu kull persuna tagħtik l-esperjenza tagħha u minnha titgħallem tiġ­ġieled aktar bil-perseveranza sabiex tilħaq l-aqwa tie­għek.

    Kif inbidel il-livell tat-team nazzjonali Taljan minn dak iż-żmien meta bdejt int s’issa?

    Hawnhekk qed nitkellmu li għaddew kważi 30 sena. Inbidlu ħafna affarijiet anke fil-logħba nnifisha.

    Illum, il-logħob huwa iktar veloċi bir-regoli l-ġodda u kull punt jgħodd waqt is-sets li jsiru. Qabel il-logħbiet kienu jdumu iktar u issa qed nara li logħba qed tispiċċa malajr.

    Illum qed nara li hemm aktar spettaklu fil-logħba, xi ħaġa li forsi kienet nieqsa fiż-żmien meta bdejt jien.

    Kull ballun li jmiss mal-art hu punt u għalhekk trid tibża’ għal kull azzjoni li jkollok. Jien ħassejtni kbirt ma’ dawn ir-regoli u tispiċċa tadatta ruħek magħhom.

    Il-livell tat-team nazzjo­nali Taljan rajtu li baqa’ stabbli. La morna ħażin u lanqas tajjeb għalkemm hemm ix-xewqa tiegħi hi li nkunu aħjar.

    Għall-inqas għadhom qed jitfaċċaw players ta’ ta­lent li jżejnu l-court tal-volleyball bil-mossi tagħhom.

    Għaliex taħseb li l-volleyball mhux sport daqs­hekk popolari?

    B’xorti ħażina l-flus qed jiddettaw ħafna mhux biss parti mill-ħajja tagħna iżda anke fl-isport. 

    L-aġenti ma tantx jinvestu f’dan l-isport u huwa għalhekk li fl-aħbarijiet sportivi ħlief fuq football ma tismax.

    Fl-Italja dan kollu mhux b’inqas. Hija ħasra għax nemmen li l-volleyball għan­du potenzjal kbir mhux biss fl-Italja iżda wkoll fid-dinja kollha.

    Fl-aħħar Tazza tad-Dinja li saret kien hemm entuż­jażmu kbir kemm għal-logħob tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.

    Aħna kollha kemm aħna nafu li dan l-isport jista’ jikber iżda hemm bżonn li kulħadd jagħti l-biċċa tie­għu, inklużi l-mezzi tax-xandir.

    Meta ssemmi lit-Taljani awtomatikament moħħok imur fuq il-football. Allura l-isport l-ieħor se nħalluh imut? Irridu nirreklamaw l-isport ieħor għax telgħin ħafna żgħażagħ ta’ talent li jekk ma jarawx interess malajr jaqtgħu qalbhom. 

    Għad narawk tokkupa l-kariga ta’ coach xi darba?

    Personalment bħalissa mhux qed naħseb fuq din il-ħaġa. Bħalissa ninsab f’Mal­ta u qed ingawdi vaganza qasira.

    Kien staġun diffiċli u li ħallieli suċċessi kbar. Issa mbagħad naraw x’ikun. Bħalissa qed naħseb biss fuq il-preżent imbagħad naraw x’hemm lest għalija fil-futur.

    Din hija l-ewwel darba li ġejt Malta?

    Le, din kienet it-tieni darba li ġejt inżur il-Gżejjer Maltin. Konna ġejna ġimgħa u bqajt mistagħġba bil-baj­jiet sbieħ li hawn.

    Għoġbuni wkoll il-monumenti sbieħ li hawn u mhux ta’ b’xejn li rġajt għażilt li niġi hawn.

    Kif kont hawn iddeċidejt li niġi nilgħab logħba volleyball ma’ sħabi u b’hekk il-vaganza tiegħi kienet waħ­da kompluta.

    Fil-fatt ġieli nħoss li jkolli xi ħaġa nieqsa jekk ma ndaħħalx il-volleyball f’ħaj­ti!

    Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ lil dawk it-tfajliet żgħażagħ li jixtiequ jibdew jilagħbu dan l-isport.

    L-ewwelnett intom li beħsiebkom tilagħbu l-volleyball, għażiltu sport verament sabiħ. Barra minn hekk meta int tilħaq player u forsi jibdew ġejjin ħafna suċċessi, importanti li żżomm saqajk mal-art u ma jitlagħlekx is-suċċess għal rasek.

    Fil-ħajja trid tkun lesta għas-sagrifiċċji sabiex tikseb ir-riżultati.

    Fl-istess waqt wieħed għandu jibqa’ umli u mo­dest u ma joqgħodx jiftaħar li kiseb xi ħaġa. Il-ferħ irid ikun hemm iżda mingħajr esaġerazzjoni.

    Tinsewx dettall importanti. Xejn ma jiġi ta’ xejn. Meta timpenja ruħek tikseb riżultati tajbin.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0