[FILMAT] “Fortunat li ma spiċċajtx taħt it-trab... illum bniedem ġdid“

  • Ġun 26, 2019 08:10
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    “Bdejt nisraq ta’ tmien snin… nesperimenta bid-droga ta’ 14”

    Fil-jum tal-gradwazzjoni Caritas Malta tiċċelebra l-ħajja ta' persuni, bid-dinjità kollha tagħhom, tiċċelebra l-vjaġġ ta' rkupru li ħafna drabi jkun vjaġġ tqil u mimli tbatija għall-persuna dipendenti u l-familja tagħha. Hekk kif illejla jigradwaw 16-il persuna li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mill-użu ta’ droga, inewsmalta tkellmet ma’ wieħed li għamel il-programm u t-Tnejn li ġej se jmur ġewwa Dar Charles Miceli fejn b’determinazzjoni kbira se jkun wieħed minn dawk li se jigradwa s-sena d-dieħla. Għal fini ta’ privatezza se jkun qed jintuża l-isem ta’ Guido. 

    Guido huwa żgħażugħ b’passat daqsxejn diffiċli fejn jistqarr li kellu trobbija li mhix kif wieħed ikun jixtieq. Il-problema tal-finanzi fid-dar minn dejjem kienet problema u dan wassal biex mill-età tenera ta’ 8 snin, Guido beda jisraq. Għal bidu huwa kien jidħol ġewwa l-ħwienet biex jisraq il-ħelu imma aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, din il-problema bdiet tirkbu u saret xi ħaġa li kien jagħmel ta’ kuljum. Guido qal, “ta’ 14-il sena konna bdejna nisirqu l-isteroes fil-karozzi u bdiet dieħla l-problema tad-droga. Bdejt inpejjep l-ismoke biex inħossni raġel u aċċettat mill-grupp. Niftakar ċar imbagħad ta’ 16-il sena bdejt niehu minn kollox, kokaina, ecstasy u eroina. Is-serq ma waqafx anzi baqa’ jżied u minn karozzi bdejna nisirqu mid-djar.”

    Guido kien ibati ħafna mill-problema ta’ nuqqas ta’ stima fih innifsu tant li kien iħossu inkapaċi ħdejn ħaddiehor u waqt li kien iħares lejn il-mera kien jarah ikrah. Meta beda jieħu d-droga huwa qal li bdiet l-illużjoni li kien kapaċi għal xi ħaġa. Huwa jistqarr li l-fatt li meta jkun għamel serqa u ma jinqabadx kienet iżżidlu l-adrenalina u ġġiegħlu tħossu tajjeb. Guido qal, “Jien kont it-tip ta’ bniedem li nipprova nżomm lili nnifsi nadif imma jekk ikolli bżonn nixtri xi flokk ma nixtrix għax aħjar nonfoqhom fid-droga. Anka l-edukazzjoni ftit li xejn għamilt għax dejjem kont naħrab, forsi kont nagħmel sal-ewwel break. Kont saħansitra ndur biex nisraq il-ftit pocket money li kien ikollhom it-tfal.”

    Huwa żied jgħid, “Id-droga l-aktar li tgħinek għax ittik ċertu kunfidenza iżda f’daqqa waħda kollox jikkrolla u l-affarijiet jibqgħu jiggravaw. Spiċċajt kelli nidħol il-ħabs għal perjodu qasir u għamilt ħafna f’qalbi. Filli niġri barra minn mindu kont żgħir u nagħmel li jogħġobni, filli imbagħad maqful. Din l-esperjenza tagħtni tbeżbiża u minn hemm iddeċiedejt li ma nisraqx iktar… iżda l-vizzju tad-droga baqa’.”

    “Id-droga ma tħallikx taħdem… tibda tiġġennen”

    Id-droga mhix biss li tħossok temporanjament kapaċi li tagħmel ċertu affarijiet, huwa żied jgħid “Id-droga ma tħallikx taħdem… tibda tiġġennen. Fuq ix-xogħol kont nivvinta kull skuża biex nitlaq xi 4 jew 5 darbiet u mmur nieħu d-droga. Wara tibda tara li dan kollu żejjed u kont nistħi mill-imgħallem, għax kemm ħa ddum tivvinta ‘għax ċemplitli ommi’ jew ‘għandu bżonn jarani t-tifel’.. u b’hekk kont inwarrab mix-xogħol.”

    Il-problema tad-droga ma affetwatx biss lil Guido iżda daħlet ukoll fil-familja fejn beda joħloq ammont kbir ta’ stress fuq ommu.  Huwa rrakkonta, “Kont qed insallabha għax apparti minni kien hemm membru ieħor fil-familja li kellu l-problema tad-droga. Ta’ 21 sena iddeċiedejt li nagħmel il-programm u minn hemm bdejt nimxi ‘l quddiem. Meta nħares lura, u l-fatt li fittixt l-għajnuna, irrealizzajt kemm immaturajt minn din l-esperjenza. Immaturajt għax kont naħseb li jien xi raġel bravu, iżda fil-verità kemm ma kont naf xejn u bdejt noqgħod ħafna attent għall-programm.”

    L-ikbar rebħa li biha tassew iħossu fortunat, iżid jgħid, huwa l-fatt li ma spiċċax taħt it-trab iżda l-problema tad-droga ġabitlu ħafna konsegwenzi. Apparti r-relazzjoni li tant kellu għal qalbu tilef ħafna nies u tilef ix-xogħol iżda fost l-aktar affarijiet li ddejqu ħafna hija l-umiljazzjoni li biha sar tallab. “Sraqt lil ommi u lin-nanna. Abbużajt mit-tjubija tagħhom għax qatt ma kienu se jirrappurtawni. Meta niftakar ngħid kemm waqajt baxx. Anke l-fatt li jien ġenitur, tbeżżani li ‘l quddiem it-tifel jara kemm kont qed nagħmel affarijiet umiljanti. Irrealizzajt ukoll kemm kont qed inċaħħad lit-tifel fejn kont nagħmel xi tliet xhur ma narah. Biex terġa’ tibni r-relazzjoni hija diffiċli iżda pass pass erġajt irbaħt il-fiduċja.”

    Wara l-ewwel komunità, Guido beda relazzjoni ġdida iżda sfortunatament beda ukoll jabbuża mid-droga. Huwa stqarr li għall-bidu kien jaħseb li kien kapaċi jmur fil-postijiet ta’ qabel u ma jmissx mad-droga iżda ftit wara rrealizza li beda t-triq għan-niżla u f’sena kien qed jerġa’ jittaqqab. Huwa qal, “Il-ftit flus li kont faddalt ma bdejt inħallaq ma’ xejn. Il-paga kont nirċieviha l-Ġimgħa imma sal-Ħadd kont diġà qed infittex kif se niddejjen biex ikolli l-flus.”

    Wara l-ewwel komunità, Guido xtaq ħafna li baqa’ sew u mhux l-ewwel darba li jaħseb li kieku ma reġax waqa’ minn jaf fejn wasal s’issa. Madanakollu b’determinazzjoni kbira huwa jgħid li ma jaqtax qalbu u qed jimxi pass pass għax huwa konxju li m’hemmx żmien x’jaħli. Huwa jżied jgħid li l-opportunità tiġi fil-ħajja imma trid tkun lest inti biex tirċivieha.

    “din l-esperjenza qasira biss profonda ħafna”

    Issa li wasal fejn wasal, Guido jistqarr li jħossu liberu fil-veru sens tal-kelma. “Il-fatt li nqum filgħodu u nħares lejn il-ġurnata bħala opportunità diġà hija biżżejjed. M’għandekx dak il-ġenn minn fejn ħa ġġib il-flus. Illum il-ġurnata kulma għandi bżonn, inqum, nieħu l-kafe u niffunzjona bħan-nies l-oħra. Bil-mod nemmen li ħa nirbaħ id-dinjità tiegħi. Għall-bidu forsi n-nies ħa joqgħodu lura imma jien determinat ħafna li nuri imġieba tajba u nerġa’ nirbaħ ir-rispett li tlift,” irrakkonta Guido.

    Huwa esprima x-xewqa li jkompli bir-relazzjoni stabbli li jinsab fiha bħalissa u jixtieq li ‘l quddiem ikollhom post għalihom biex b’hekk ikunu jistgħu jrabbu familja. “Mhux qed nistenna affarijiet kbar. Kemm tħobb lilek innifsek huwa importanti. Irrid inżomm is-serenità fil-ħajja li ksibt u nikkuntenta b’dak li jien. Se nkun qed inkompli l-after care darbtejn fil-ġimgħa għax nixtieq inkompli nibni fuq dak li bdejt. Jekk mhux ħa mmur, jien ħa nitlef u din id-darba rrid inkun tassew responsabbli għalija nnifsi u għan-nies ta’ madwari.”

    Guido jħeġġeġ biex min għandu problema bid-droga ma jaqtax qalbu u jersaq għall-għajnuna tal-Caritas fejn minn hemm irċieva ħafna għajnuna. Huwa qal, “dħalt b’ħafna toqol hawn ġew u qatt ma ġġudikawni. Baqgħu jemmnu fija għax jemmnu li kull uman għandu t-talenti tiegħu u huwa ħasra li wieħed jitlifhom minħabba d-droga. Ersqu lejn il-Caritas u ieqfu iġru wara nies li mhux verament iħobbukhom. Maż-żmien tirrealizza li tkun għamilt pass ta’ raġel mhux għalik biss imma anka għall-familjari u nies li tassew iħobbuk.”

    Guido qal li jinsab eternament grat għal dak kollu li għamlu miegħu l-Caritas għax permezz tagħhom iħossu bniedem ġdid, “bniedem li filgħodu x’ħin inqum inħossni tajjeb. Reġgħu tawni saħħti lura u għandi ċertu paċi li ovjament irrid nibża’ għalih.”

    Iċ-ċerimonja għal dawk li temmew dan il-programm se ssir llejla ġewwa l-Komunità San Blas f’Ħaż-Żebbuġ. Iċ-ċerimonja se tkun ippreseduta mill-E.T. President ta’ MAlta George Vella li, wara d-diskors tal-okkażjoni se jippreżenta ċertifikat lil dawk li temmew dan il-programm b’suċċess. L-E.T. Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna se jkun qed jagħmel riflessjoni f’din l-okkażjoni li wkoll tiċċelebra 30 sena mit-twaqqif tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas. Se jkun hemm ukoll diskors mid-direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt u jagħti rendikont ta’ żviluppi fil-qasam tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni. 

    Ritratt u filmat: ALAN SALIBA

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0