Hekk kif bdiet tingrana sew il-kampanja għall-elezzjoni tal-president tal-Malta Football Association li ser issir, fl-20 ta’ Lulju li ġej, il-kandidat Bjorn Vassallo spjega fid-dettall il-qafas tal-programm tiegħu jekk kemm-il darba jingħata l-mandat biex imexxi l-assoċjazzjoni għall-erba’ snin li ġejjin.
Is-Sur Vassallo, li kien kap eżekuttiv u anke segretarju ġenerali ta’ din l-assoċjazzjoni u preżentament qed jaqdi l-irwol ta’ Direttur tal-FIFA għall-Pajjiżi Ewropej, nieda l-kampanja tiegħu Forward Together – Flimkien ‘il quddiem.
Huwa għamel dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Matthew Micallef St John, fil-Marsa.
Is-Sur Vassallo qal li f’dan il-post beda ċ-Ċentru Sport Edukattiv immexxi minn Fr Hilary Tagliaferro li minn fuq art iebsa ġabar l-aħjar players u beda jsir it-taħriġ fuq ħaxix naturali .. minn fejn bdiet il-bażi tal-football Malti fiż-żgħażagħ.
Is-Sur Vassallo sostna li għandu esperjenza kbira fil-qasam tal-football mhux biss lokali iżda wkoll internazzjonali:
“Qed nippreżenta ruħi b’25 sena esperjenza f’dan il-qasam ... fejn 15-il sena minnhom għamilthom mal-club ta’ San Ġwann u minn hemm bnejt il-karattru tiegħi.
“Dan iż-żmien kollu wassalni wkoll biex nifhem aħjar minn x’hiex jgħaddu l-clubs Maltin.”
Huwa sostna li minn hemm mexa għal Kap Eżekuttiv u eventwalment għal Segretarju Ġenerali fi ħdan il-Malta Football Association sa qabel ingħata rwol impenjattiv mal-FIFA f’mument delikat ħafna.
Iżda minkejja kollox bl-għaqal tal-president Gianni Infantino, il-FIFA reġgħet ħadet is-saħħa li kien jistħoqqilha.
“Inħossni li għandi bagalja mimlija b’esperjenza, speċjalizzazzjoni fl-amministrazzjoni tal-football u kuntatti kbar li ser jgħinuni fil-futur jekk niġi elett bħala president tal-MFA.”
Il-kelliemi qal li nieda dan il-qafas u qed iħares lejn viżjoni sas-sena 2027 jekk dejjem jiġi fdat fil-kariga.
“Jien qed naħseb fuq żewġ mandati fejn fi tmien snin irridu niksbu l-progress neċessarju f’kull livell.”
“Nixtieq governanza aħjar fuq livell ta’ clubs u assoċjazzjoni biex nidħlu f’era ġdida. Importanti li ma neskludu lil ħadd,” kompla jgħid is-Sur Vassallo b’referenza għal kull min hu involut f’din il-logħba u skond kif jgħid l-islogan Forward Together.
“Irridu naħdmu fuq eko-sistema biex ikollna kompetizzjonijiet ta’ suċċess u għalhekk biex isir dan ser ikun hemm klassifikazzjoni għax ma jistax ikun li dawk li għandhom budget ta’ miljuni u dawk li għandhom budget ta’ mijiet ikunu kunsidrati fl-istess livelli. Dan kollu għandu jżid il-kompetittivitá bejn il-clubs.”
Is-Sur Vassallo qal li hemm bżonn li iktar tfal ikollhom aċċess għal-logħba tal-football biex ħadd ma jitħalla barra, semma’ programmi estensivi fl-iskejjel u fuq kollox permezz tal-iżvilupp tat-talent biex tinħareġ il-kwalitá. Huwa tkellem ukoll dwar ristrutturar taċ-Ċentru Tekniku li jwassal għal hubs tekniċi speċjalizzati.
Meta tkellem dwar l-infrastruttura, l-ex Segretarju Ġenerali tal-MFA tenna li “veru li mxejna ‘l quddiem iżda bqajna ftit lura għax m’hawnx biżżejjed art u għal dan il-għan ma nistgħux nsaħħu l-faċilitajiet kif nixtiequ.”
Huwa semma’ erba’ pilastri li l-MFA tista’ timxi fuqhom jekk ikun elett president fosthom kompetizzjonijiet kompetittivi, Fair Play u sostenibbilità finanzjarja, Solidarity Funds Distribution, Appoġġ għall-Iżvilupp u l-parteċipazzjonijiet tal-programmi u Edukazzjoni.
Tkellem ukoll dwar l-assoċjazzjoni nnifisha u kif din għandha bżonn tiġi ristrutturata. Huwa qed jipproponi li l-irwoli ta’ president u segretarju ġenerali jkunu definiti mill-ġdid u jkun hemm żewġ deputati segretarji ġenerali fejn wieħed ikun inkarigat mill-qasam sportiv u l-ieħor f’dak amministrattiv.
Is-Sur Vassallo qal li huwa daħal fl-MFA meta dak iż-żmien kellha turnover ta’ €3 miljuni u qabel ma telaq ħalla l-assoċjazzjoni b’introjtu ta’ €9 miljuni. Huwa jixtieq li dan il-qligħ ikompli jiżdied taħt il-presidenza tiegħu biex l-MFA tkun tista’ tinvesti aktar fil-logħba Maltija u se jagħmel dan permezz ta’ special purpose vehicles li minnhom l-MFA tiġġenera introjti sostenibbli.
Meta tkellem dwar it-team nazzjonali Malti, is-Sur Vassallo kien ċar fil-proposti tiegħu.
“Ma nistax nistenna aktar snin biex nara lit-team nazzjonali jikseb ir-riżultati. Irridu noħolqu team li jitħarreġ u jilgħab f’livell professjonali li jkun il-fattur li jagħmel differenza minn dak li joffru l-clubs lokali. Bħalissa huwa jinsab f’kuntatt mal-FIGC biex team magħmul minn players Maltin u barranin jikkompeti f’kampjonat li huwa meqjus bħala professjonali.
Dan il-proġett jista’ jservi biex il-players Maltin, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, ikollhom l-opportunitá li jilagħbu f’livell professjonali ġimgħa wara l-oħra.
L-għan ta’ dan kollu huwa biex lill-coach tat-team nazzjonali Malti jiġi pprovdut b’aktar players professjonali u awtomatikament jitjieb il-livell fl-immedjat.
Għall-kampjonat domestiku tiġi stabbilitá Lega li tagħti s-saħħa lill-clubs infushom biex jikbru f’ambitu mhux biss sportiv imma wkoll ammistrattiv u kummerċjali fejn jingħataw id-drittijiet tal-kampjonat u l-MFA tipprovdi assistenza professjonali li tiggwida lill-clubs biex jimmassimizzaw il-benefiċċji tagħha. Biex nilħqu dan il-għan se nsostnih finanzjarjament sa ma nara li l-proġett isir sostenibbli.”
Bħala pjan fit-tul fuq livell ta’ żgħażagħ beħsiebni noħ-loq il-fundazzjoni Inħobb il-Football li taħdem fuq il-parteċipazzjoni, il-pathway mill-grassroots sal-elite, il-coach education u l-programmi fil-kommunitá.
Meta tkellem dwar l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, il-kelliemi stqarr li dan mhux komdu u hemm bżonn li jsir aktar attraenti.
“Qed naħseb għal ristrutturar kbir fl-istadium tagħna. Irridu nagħmluh bħall-istil Ingliż fejn taqa’ l-enclosure u neliminaw ukoll it-trakka sabiex il-post isir aktar akkoljenti u fuq kollox attraenti.”
Huwa qal li ser tinżamm l-Millenium Stand iżda jitwaqqgħu wara l-lasti biex jinħoloq ċentru kummerċjali. Il-ħsieb hu wkoll li l-MFA tibni Ċentru Tekniku ġdid fit-training grounds.
Il-kelliem sostna wkoll li hemm bżonn li l-football ikompli joħroġ minn Ta’ Qali u jmur iktar fuq livell reġjonali fejn fost l-oħrajn huwa ppropona li jkun hemm stadium fin-nofs in-nhar ta’ Malta fejn ħafna timijiet ġejjin minn dik iż-żona.
Id-direttur preżenti tal- FIFA ppropona wkoll il-bini ta’ Futsal Arena biex dan l-isport u l-livell tiegħu jkompli jikber. Għal Għawdex huwa semma’ wkoll it-tkomplija tal-bini ta’ stadium sekondarju b’kollaborazzjoni mal-gvern ċentrali li jikkumplimenta l-Gozo Stadium, fir-raħal Ta’ Sannat.
Huwa beħsiebu joffri wkoll inċentivi biex training grounds eżistenti li nbnew aktar minn għaxar snin ilu, jiġu mibdula b’art artifiċjali ġdida.
Meta tkellem dwar il-clubs tal-Kampjonat Premier, is-Sur Vassallo qal li ser jgħinhom biex ikollhom pjan ta’ azzjoni fit-tul u mhux kollox isir minn sena għal oħra u dawk fil-livelli żgħar jgħinhom fil-missjoni tagħhom fil-kommunitá.
Huwa ppropona wkoll li l-Kampjonat Premier ma jibdiex f’nofs Awwissu iżda fl-aħħar ta’ Settembru u jkun hemm perjodu itwal ta’ waqfa biex hemmhekk il-clubs jippreparaw għat-tieni parti tal-istaġun. Dan kollu se jsir permezz ta’ djalogu mal-istakeholders konċernati.
Fejn għandu x’jaqsam ma’ referees, is-Sur Vassallo qal li jridu jiżdiedu l-appointments internazzjonali tal-uffiċjali Maltin għax filwaqt li hemm potenzjal, mhux qed jingħataw il-merti neċessarji.
Fejn għandu x’jaqsam ma’ match-fixing, jixtieq jiffirma memorandum of understanding mal-Korp tal-Pulizija, biex pulizija bi sfond investigattiv jkun l-uffiċjal ta’ integritá.
Meta ġie mistoqsi dwar ir-relazzjoni bejnu u bejn il-president attwali tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, is-Sur Vassallo qal li għandu relazzjoni tajba ħafna u li l-kontribut li ta l-president Darmanin Demajo lill-football Malti se jservi ta’ sostenn biex l-MFA tkompli timxi lejn miżuri alternattivi li jaraw il-football Malti jkompli jevolvi u jimmodernizza ruħu għal riżultati fl-immedjat u sostenibbli.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.