“Int kif int, ħobb lilek innifsek”

  • Ġun 11, 2019 09:22
  • Miktub minn Maria Azzopardi
"

    Antonella Rogers b’messaġġ pożittiv fl-okkażjoni tal-Pride Month…

    Hekk kif fix-xahar ta’ Ġunju jiġi ċċelebrat l-LGBT Pride Month biex jikkommemora l-irvellijiet ta’ Stonewall, li seħħew fl-aħħar ta’ Ġunju 1969, tkellimna ma’ Antonella Rodgers, mara omosesswali li b’umiltà kbira kull fejn tmur ixxerred il-pożittività. Pero mhux kollox kien ward u żahar biex tesprimi s-sesswalità tagħha speċjalment meta fetħet il-bibien tas-silenzju 20 sena ilu f’soċjetà fejn l-omosesswalità kienet għadha taboo kbir. Antonella qalet li batiet ħafna fis-soċjetà ta’ dak iż-żmien u saħansitra tilfet xi ħbiberiji ma’ nies li għal xi raġuni għażlu li ma jibqgħux ikellmuha minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha.

    Hija tgħid, “ovvjament tweġġa’ ħafna tara nies jinbidlu hekk minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħi. Dak l-uġigħ żammejtu għalija li saħansitra għażilt triqat mudlama biex naħbi l-weġgħat tiegħi. Pero kont fortunata biżżejjed li tal-familja aċċettawni u ħabbewni aktar minn qatt qabel.”

    Għal Antonella, li tkun gay fis-soċjetà tal-lum ma tfisser xejn ħlief rispett minn ħafna nies li tiltaqa’ magħhom fuq bażi regolari. Ovvjament, tagħmel x’tagħmel u tkun kif tkun, xorta waħda ħa tiltaqa’ ma’ nies li ma jaċċettawkx u forsi saħansitra jagħtuk darhom. Antonella minn dan kollhu tgħallmet ħafna u tifhem li m’hemmx għalfejn iħobbok kulħadd. Hija żżid tgħid li tagħmel mezz biex tgħix ħajja pożittiva tant li ma tħossx il-bżonn li ħaddiehor għandu jaċċettaha għax wara kollox il-ħajja hija kif tagħmilha int u inutli tibqa’ tistenna li ħaddiehor jaċċettak għax qabel kollox trid tħobb lilek innifsek. Antonella tgħidilna li kienet permezz tad-determinazzjoni tas-saħħa mentali tagħha li ġabet bidla fiha nnifisha għax tgħallmet iġġib lilha nnifisha l-ewwel u tħobb lil persunta kif verament hi.

    Illum Antonella titkellem ma’ diversi żgħażagħ u tatihom parir biex jiftħu qalbhom għal dak li huma vera biex ma jiddejqux juru min huma kif inhuma verament, u żżid tgħid, “meta turi int min int, ħaddieħor jaċċettak kif int. Nemmen li fil-ħajja dak li tagħti tirċevih lura. Int min int, agħti rispett u mħabba u jiġi kollox lura b’imħabba u rispett.”

    “Tinkwetax jekk tmut għax m’għandekx tfal”

    Antonella tgħid li s-soċjetà ta’ 20 sena ilu kienet waħda magħluqa ħafna u saħansitra anka l-Knisja kienet għadha mhux daqshekk miftuħa għan-nies b’orjentazzjoni sesswali differenti. Illum l-affarijiet inbidlu u Antonella tgħid li tieħu gost titkellem ma’ sorijiet u qassisin li ġenwinament qegħdin hemm għax iħossu l-imħabba ta’ Alla u jxandru ħafna għaqda u rispett lejn nies ta’ orjentazzjoni sesswali differenti. Hija tgħid li l-imħabba ta’ dawn is-sorijiet u qassisin għenuha biex terġa’ temmen f’dak li kienet trabbiet fih. Illum il-ġurnata Antonella żżur lil Ġesù Sagramentat spiss u tħoss il-preżenza tiegħu għax temmen li għaliH ma tagħmilx differenza għax hu jħobb lil kull wieħed u waħda minnha l-istess. 

    Minkejja din id-determinazzjoni u saħħa li turi Antonella, fil-passat kien hemm ħafna nies li pruvaw iweġġawha bil-kliem. Kien hemm min qalilha li mhux se jkollha tfal. Kien hemm min jistaqsiha kif għadha xebba u ma kellix għarus. Kien hemm min saħansitra meta kienet marida bil-kanċer qalulha li m’għandix għalfejn tinkwieta jekk tmut għax m’għandix tfal. Dawn l-esperjenzi għallmuha ħafna u llum b’saħħitha biżżejjed biex taħfer, tbaxxi rasha u tibqa’ għaddejja bil-ħajja tagħha.

    Minn hawnhekk Antonella tappella biex wieħed joqgħod attent meta jitkellem għax jista’ jweġġa’ s-sentimenti ta’ ħaddiehor u dak l-uġigħ jista’ jwassal għal ħafna inċidenti koroh li faċilment jistgħu jiġu evitati. Messaġġ pożittiv li tixtieq twassal Antonella huwa, “int min int u int kif int ħobb lilek innifsek biżżejjed li m’għandekx għalfejn tħoss il-bżonn li ħaddiehor għandu jaċċettak.”

    Min-naħa l-oħra messaġġ li tixtieq tgħaddi lill-ġenituri meta forsi jgħaddu minn mumenti diffiċli meta wliedhom jaqsmu magħhom l-aħbar dwar is-sesswalità tagħhom huwa: “tibżaw xejn milli tfittxu l-għajnuna. Tibżaw xejn li qed tħossu dak l-uġigħ għax huwa normali li ġenitur iħossu xxukjat. Ftakru li kollox jgħaddi minn proċess fil-ħajja biex kollox jiġi lura għan-normal.”

    “Ħadd m’għandu jiġi ttimbrat… anke l-kelma gay idejjaqni”

    Flimkien ma’ Antonella tkellimna wkoll dwar il-kontroversja li qamet rigward sticker li n-negozji u ristoranti jistgħu jagħżlu li jwaħħlu fuq l-istabbiliment tagħhom biex juri li tassew kulħadd huwa aċċettat. Antonella stqarret li hija assolutament kontra li jkun hemm timbru anzi tisħaq li bħala soċjetà għandna naħdmu biex jitneħħa dak li jissejjaħ labelling u mhux inżiduh, għax, “hawn ħafna nies jgħaddu minn kull tip ta’ inġustizzji fil-ħajja mhux il-gays biss allura nwaħħlu sticker għal kulħadd”.

    Hija tkompli tgħid: “Onestament anka l-kelma gay iddejjaqni għax jien meta nippreżenta ruħi ngħid li jien Antonella u mhux li jien gay. Fuq il-Karta tal-Identità tiegħi hemm miktub ismi, kunjomi u li s-sess tiegħi huwa mara… m’hemmx miktub li jien gay. Pero hija xi ħaġa li m’hemmx kontroll fuqha u ma rridx immur għall-estrem.”

    Antonella tgħid li biex ikun hemm tassew l-ugwaljanza fejn kulħadd ikun l-istess, huwa neċessarju li fis-soċjetà jkun hemm varjetà ta’ nies differenti li jitgħallmu jgħixu flimkien u mhux kulħadd jaħrab minn xulxin. “Irridu nkunu f’soċjetà fejn ngħinu u nkomplu mixjin ‘il quddiem biex inkomplu fejn ħallejna dawn l-aħħar snin. Irrid inkun f’soċjetà fejn inħossni kburija ngħid li jien Maltija għax inkunu maqgħudin flimkien irrilevanti mis-sesswalità tagħna. Wara kollox aħna kollha ħolqien ta’ Alla u fejn hemm il-bniedem għandu jkun hemm biss għaqda u rispett,” tgħid Antonella.

    “Imxejna imma nemmen li l-Gvern għandu jilħaq ideat ġodda”

    Antonella nnotat u verament tapprezza il-liġijiet li ġew implimentati tul dawn l-aħħar snin li saħansitra wasslu biex Malta tikklassifika fl-ewwel post bħala drittijiet tal-LGBTIQ fost il-pajjiżi. Hija tgħid li dawn għenu ħafna, pero tisħaq li wieħed għandu jkompli jiftaħ aktar fil-beraħ biex ikun hemm għajnuna diretta lill-persuni li għaddejjin minn mumenti diffiċli. Hija qalet li hawn ħafna nies li sfortunatament għaddejjin minn mumenti ta’ tbatija u jgħixu dan kollu fis-silenzju. 

    Antonella qalet li minkejja li jeżistu diversi għaqdiet li jgħinu, wieħed irid jiftakar li hemm ħafna nies li mhumiex kapaċi jfittxu l-għajnuna. B’dan il-mod, hija temmen li l-Gvern għandu jilħaq ideat ġodda u validi biex ikompli jaħdem fuq il-ġid li qiegħed iwettaq. Għal dan, Antonella rrakkuntat esperjenzi li spiss tiltaqa’ magħhom meta tmur ġewwa skejjel fejn hi stess titkellem ħafna dwar dan is-suġġett u sssemmi t-tbatija li għaddiet minnha biex tgħin liż-żgħażagħ jiftħu qalbhom. “Illum ninsab kuntenta li b’żewġ kelmiet ta’ kuraġġ dawn għamlu pass biex jitkellmu u jaċċettaw lilhom infushom kif verament huma. Nixtieq ħafna li l-Gvern jingħaqad ma’ nies bħali li lesti jgħinu fl-iskejjel tal-istat anka b’mod volontarju ħalli għada pitgħada jkollna soċjetà aktar miftuħa. Nemmen li meta dan isir jgħin biex inaqqas ukoll il-vizzji koroh li qegħdin ifittxu ż-żgħażagħ biex jgħattu l-uġigħ tagħhom.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0