[FILMAT] “Kelli ngħix biss tliet xhur… Norqod trankwill u ma nibża’ xejn mill-mewt”

  • Mej 28, 2019 06:30
  • Miktub minn Brian Gatt
"

    “F’ħajti dejjem qattajt bi snieni u dejjem kont naspira biex nitgħallem aktar. Illum bħala anzjan inġorr fuq spalti snin ta’ esperjenzi li sa minn età żgħira tgħallimt li meta tagħti kollox għall-ħolm tiegħek tista’ tasal ferm aktar ’il bogħod minn dak l-istess ħolm”. Hekk beda biex jgħid magħna Sammy Borg, l-anzjan ta’ 68 sena li għamilha ma’ ħafna persuni u erħilu jibdel minn xogħol għall-ieħor basta jitgħallem dejjem aktar.

    Minkejja li kien tajjeb fl-iskola, Sammy qatt ma ried jaf bl-istudju u dejjem fittex li jaħdem fis-snajja. Irrakkontalna dwar kemm kien irsista biex jeħles l-eżamijiet tas-sekondarja bil-quddiem biex seta’ jħalli l-iskola u jibda jaħdem. Ta’ 15-il sena beda jagħmel xogħol ta’ mastrudaxxa iżda ma damx ma nduna li jekk ma kienx se jsib xi ħaġa oħra kien se jbati fiżikament. Ta’ tifel li kien kien jispiċċa dejjem jagħmel l-ixkatlar u hu ma xtaqx jibqa’ jagħmel dak ix-xogħol. Tkellem magħna dwar il-ferħ li ħass f’qalbu meta beda jakkwista xi ħaġa fil-but. Għexieren ta’ snin ilu żewġ xelini fil-ġimgħa kien sodisfatt bihom. Minkejja dan, bi tbissima liema bħalha ftakar dwar kemm iddispjaċieh li kien tilef l-ewwel paga u minkejja li reġa’ qabad tal-linja lura biex jara jilmahiex kellu joħodha bħala tagħlima. Minn hemm l-anzjan, dak iż-żmien bħala żagħżugħ jarmi s-saħħa sab ruħu jagħmel xogħol ta’ tapizzar. Dak ix-xogħol ma damx ma qabad fih għax kien imdorri jara ’l ommu tħit mid-dar. Spiċċa jagħmel dak kollu li għandu x’jaqsam mal-karozzi. Kien kuntent li tgħallem xi ħaġa oħra iżda meta ħadem is-somom tiegħu ma damx ma ntebaħ li b’dik il-paga qatt ma kien se jasal biex jiżżewweġ u jibni familja.

    “Ngħodd fuq is-swaba’ ta’ id waħda l-ġranet li għamilt bla xogħol’’

    Ftit xhur wara ddeċieda li jieqaf u fl-unika ġurnata li kellu franka mar sal-Belt m’erbat iħbieb jilaqgħu ftit ix-xemx u jgħaddu siegħa żmien. Mill-post fejn kienu qegħdin jitlajjaw għadda negozjant Franċiż u staqsihom x’kienu qegħdin jagħmlu hemm jaħlu l-ħin u ħajjarhom jibdew jaħdmu għalih. L-għada dawn iż-żgħażagħ spiċċaw jaħdmu f’lukanda f’Kemmuna, dak iż-żmien rinomata mal-artisti tal-films. Il-karattru ambizzjuż tiegħu għenu biex ikompli jitgħallem u minkejja li kien kien imexxi l-iskrivanija tar-reception, kull fejn ikun hemm bżonn daqqa t’id kien jagħtiha. Kompla jirrakkonta dwar il-providenza t’Alla u li minkejja li ftit xhur wara din il-lukanda ħabbret li kienet se tagħlaq, l-istess bniedem li kien impjegah kien serraħlu rasu li kien se jsiblu post Malta għax kien verament sodisfatt b’xogħlu.

    Malta s-sitwazzjoni kienet mod ieħor u kompla jibni reputazzjoni tajba mal-klijenti. Ix-shift kien qabad idejqu u issa li mar-rakkont komplew igerbu s-snin, Borg issa kien wasal biex jiżżewweġ u ma setax jibqa’ jgħix dik it-tip ta’ ħajja ’l bogħod minn dik li kellha tkun familtu. Darba fost l-oħrajn iltaqa’ ma’ negozjant ieħor li kien jaħdem f’fabbrika tal-ġilda. Beda jispjegalu dwar il-qabża li kien hemm minn hemmhekk għal fabbrika li kienet tħaddem mijiet ta’ persuni u Sammy malajr iġġennen biex imur jara din il-fabbrika. Għalih din l-esperjenza kienet waħda ġdida u meta ra l-impjegati l-oħrajn jaħdmu l-ingwanti ma staħa xejn jistaqsi jekk setax jipprova juża waħda mill-magni. Ix-xogħol qabad joġgħbu u mal-ewwel ċans li sab spiċċa jaħdem f’din il-fabbrika u malajr qabad teknika ta’ kif jiffranka l-materjal hu u jaħdem l-ingwanti. Ta fuqu ma damx ma ntebaħ bil-ħila u l-intelliġenza tiegħu fix-xogħol. Sammy kien skopra li jekk jiġbed il-ġilda aħjar kien kapaċi joħroġ erba’ pari bħal sħabu u jibqagħlu biċċa żejda, xi ħaġa li s-superjuri tiegħu kienu ħadu pjaċir biha għax il-ġilda kienet tiswa mhux ħażin.

    “Offrewli kors tal-proċess sħiħ mit-trobbija tal-annimali sal-ħjata tal-ingwanti”

    Is-snin komplew igerbu u issa Borg kien iżżewweġ. Ftit xhur wara ġie msejjaħ mill-kbarat tal-fabbrika fejn ġie offrut kors l-Ingilterra biex jitgħallem il-proċess kollu tal-ġilda. Sammy kien sabha daqsxejn diffiċli jħalli kollox warajh għal tliet xhur iżda bejn li kien jaf li se jitgħallem ħafna affarijiet u bejn il-fatt li kien se jikber fil-pożizzjoni tiegħu ddeċieda li jsiefer tliet xhur.

    Kompla biex jispjegalna li minn tant ħeġġa biex ikompli jiskopri aktar, meta skopra dwar il-qtil ta’ tant annimali biex joħdulhom l-ġilda bħal donnu beda jibred. Tkellem dwar mijiet ta’ kull tip ta’ annimal li kienu jinqatlu, jitqaxxru, jitnixxfu u anke jagħtuhom xi kulur skont l-ordnijiet.

    Wara 11-il sena sema dwar avviż fil-gazzetta dwar fabbrika Ġermaniża li kienet ġejja Malta. Borg ma ħasibhiex darbtejn biex japplika u minkejja li skola x’juri ma kellux, iżda meta kellmuh qalilhom li hu skola ma kellux iżda kien lest li jitgħallem dak kollu neċessarju u aċċertahom li kien jemmen li bil-kapaċitajiet tiegħu seta’ jasal kullimkien.

    Sammy kompla jgħid ma’ inewsmalta li meta mar id-dar kien qalbu maqtugħa li minn fost dawk il-ħafna li kienu applikaw kienu se jagħżlu lilu. Ġara iżda li xi ħmistax wara waslitlu ittra ffirmata biex imur jiffirma l-kuntratt. 

    Offrewlu kuntratt b’salarju li qatt ma kien immaġina li kien se jkun qiegħed jaqla’. Ma damx ma sab ruħu f’titjira lejn il-Ġermanja u hemmhekk kellu jagħmel sitt xhur t’esperjenza sakemm lura Malta ġabu magħhom kontejners ta’ makkinarji lesti biex jitħaddmu f’Malta.

    Malta l-fabbrika kienet għadha mhix lesta, iżda kull biċċa li kienet titlesta minnha kienu jdaħħlu makkinarju u bdew il-produzzjoni. 

    “Xtaqt nagħmel kumpanija… ħadna b’idejn xulxin u bdejna naħdmu”

    Sammy kellimna dwar dak kollu li kien jagħmel u ħass li b’dak il-potenzjal minkejja li kellu n-nies tiegħu ħass li kellu jibda xi ħaġa li jkun hu s-sid tagħha. Tkellem ma’ Ġermaniż ieħor  li kien jagħmel ix-xogħol li ma kellux x’jaqsam miegħu hu u dan ħatfu fil-kelma u malajr laħqu ftehim. Meta sema’ l-kbir tal-kumpanija dwar x’kellu f’moħħu Sammy qallu bix-xewqa tiegħu u dan mhux talli fehmu talli wara taħditiet sħaħ offrewlu li jagħtuh spazju fl-istess kumpanija u jkun hu d-direttur tagħha.

    Bid-dmugħ ta’ ferħ f’għajnejh kellimna dwar l-ewwel makkinarju li għalih u għal sieħbu kien għadma iebsa. Wara li sabu saqajhom sew l-Ġermaniż iddeċieda li kien għamel biżżejjed u ried isiefer lura lejn pajjiżu. 

    Sammy baqa’ jmexxi waħdu l-kumpanija “Sammy’s Embroidery” u fl-istess ħin jikkordina ma’ tal-fabbrika. Il-kompetizzjoni bdiet tikber barra mill-pajjiż u sadanittant meta beda jinnota dawn l-affarijiet iffiltra mal-iskejjel ta’ Malta u beda jagħtihom ix-xogħol. Il-fabbrika bdiet tbatti u spiċċat għalqet il-bibien. Dan ma kienx ifisser it-tmiem għall-anzjan li tkellem magħna għax hu baqa’ jaħdem mill-kumdità ta’ daru.

    Beda jaħdem xogħol għal wieħed Għawdxi u wara li bdew produzzjoni ta’ mantijiet fini, Sammy offrielu li jbigħlu l-makkinarju bil-patt li jgħallmu jużah bla ħlas.

    “Finalment kelli ħin għalija nnifsi”

    Borg tefa’ ħarstu fuq l-isport u wara esperjenzi jilgħab il-futbol u t-tennis, iddeċieda jkompli sport li kien jilgħab bħala dilettant meta kien għadu daqsxejn ta’ tifel.

    Iddeċieda li jibda jilgħab il-bowling b’mod professjonali u beda jiżviluppa ġmielu fl-isport. Beda dejjem jikseb aktar kunfidenza f’dan l-isport u ddeċieda li jagħmel iċ-ċertifikat tal-kowċing.

    Kiseb iċ-ċertifikat tal-ewropa u kien inkarigat minn SkolaSport biex jgħin fit-taħriġ tat-tfal. Is-sigriet tas-simpatija tiegħu lejn kull min kien iżuru biex jibda jitgħallem kienet il-paċenzja li kellu biex jgħallem billi jinżel fil-livell tal-persuna li jkollu quddiemu.

    Mhux l-ewwel darba li kkompeta barra mill-pajjiż u bħala anzjan kien iħaqqaqa ma’ kompetituri oħrajn infatti ma stajnix ma ninnotawx numru ta’ premjijiet u medalji li kiseb fil-passat.

    “Kien hemm tornew b’risq Puttinu u ħassejt uġigħ… tani tliet xhur ħajja”

    Kellimna dwar tornew li kien organizzat b’risq Puttinu u li hu ħass li minkejja l-età tiegħu kellu jagħti kontribut biex jgħin biex jinġabru flus għal dawn in-nies tant fil-bżonn. Ġara iżda li l-uġigħ żammu u ħass il-bżonn li jagħmel testijiet biex jara minn fejn kien ġej dak l-uġigħ.

    Meta mar għar-riżultat it-tabib laqgħu fil-bieb u qallu li kellu biss tliet xhur ħajja. Ħajtu nqalbet minn lejl għan-nar u kellu jwarrab l-isport għax saħtu m’għadhiex ittih. Issa wasal fl-aħħar tal-kimoterapija u qiegħed jistenna rispons dwar jekk il-kanċer ux qiegħed jonqos jew le. Jekk il-kanċer ikun kiber dan ikun ifisser li ma jkunx hemm tama għalih.

    “Jien norqod u ma nibża' xejn mill-mewt”

    Lejn tmiem din l-intervista Borg qal ma’ inewsmalta li jgħix ħajja normali u mhux se joqgħod jibki xortih. Spjegalna li meta tasal f’ċertu età tgħaddi minn esperjenzi bħalma huma l-mewt t’ommok u ta’ missierek u ħbieb oħrajn li filli miegħek u filli mhumiex tifhem li fil-ħajja aħna mislufin, Huwa qalilna li f’qalbu għandu sodisfazzjon li dak li għallem baqa’ jinxtered u li llum għandu l-unur jgħid li l-istudenti tiegħu rrappreżentaw lil pajjiżna fl-ewropa u kisbu midalji tad-deheb u fidda.

    Sammy temm jappella lil dawk iż-żgħażagħ kollha li għandhom ħolm li fid-dinja tal-lum jidher pjuttost impossibbli biex jaħdmu qatigħ biex jirrealizzaw dan il-ħolm tagħhom… “Il-ħolm mhux qiegħed hemm biex iħallik tittama, trid tipprattika kontinwament u taħdem aktar milli tiflaħ għax wara l-premju hemm sigħat twal ta’ sagrifiċċju”.

    RITRATTI U FILMAT: ALAN SALIBA

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0