Imfakkar il-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju
F’appell lill-ġenituri u liż-żgħażagħ, il-Psikologu Mark Xuereb li jmexxi t-tim tal-Crisis Resolution Malta talab biex kemm il-ġenituri kif ukoll iż-żgħażagħ joqogħdu attenti minn influwenza ħażina li qegħdin jagħtu ċerti logħob u siti fuq l-Internet li jwasslu għal ħsara fuq il-persuna u suwiċidju, fost l-aktar popolari l-Blue Whale u l-Mojo.
Fi stedina għall-Istampa fil-ġnien tal-Argotti, il-Crisis Resolution Malta fakkar il-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju u ħabbar li din l-organizzazzjoni non-governattiva issa qiegħda toffri l-għajnuna u l-pariri tagħha lill-Pulizija meta jkollhom każi ta’ persuni fi kriżi serja.
B’tim ta’ disa’ professjonisti l-Crisis Resolution Malta għandha medja ta’ sitt telefonati kuljum bil-kriżi ta’ ansjetà soċjali bħala l-akbar problema u warajha dik ta’ problemi fir-relazzjonijiet.
Grazzi għall-intervent ta’ dan il-Crisis Team, li s-servizz telefoniku bla ħlas jopera 24/7, hu stmat li diġà ġew salvati 60 persuna mis-suwiċidju.
“Jien m’inix denju li ngħix”
Filwaqt li ddeskriva żewġ xenajri ta’ attentati ta’ suwiċidji bi tmiem differenti, Dr Xuereb qalilna li fil-każ li kellu żvolta pożittiva kien grazzi għall-fatt li l-persuna fi kriżi ġie f’idha fil-mument opportun, in-numru tal-Crisis Resolution Malta. Din il-persuna li f’dak il-mument ħassu ddisprat wara li tilef ix-xogħol, il-familja u kulma kellu ried itemm ħajtu iżda sab kliem ta’ wens meta ċempel lill-Crisis Team. Illum il-ġurnata din il-persuna bniet ħajja ġdida. Fil-każ l-ieħor jirrakkonta kif persuna ffissat li għandha mard serju u minħabba li f’dak il-mument ma kellha lil ħadd iwaqqafha u jismagħha, intemmet ħajja ħesrem.
Dawn huma żewġ realtajiet tal-ħajja li dik il-ħajja li ntemmet b’suwiċidju setgħet ġiet salvata kieku sar użu mis-servizz telefoniku tal-Crisis Resolution Malta.
F’messaġġ mill-CRM Dr Xuereb jistqarr li xebgħu jistennew u se jaqbżu mill-kliem għall-fatti. “Se naqbdu l-barri mill-qrun u issa daqshekk. Aħna rridu nagħtu l-kontribut tagħha u qegħdin hawn ġo post pubbliku biex nuru s-sofferenza ta’ dawk li ma jkunux iridu jitkellmu dwar is-sofferenzi li jkunu għaddejjin minnhom u noffru l-għajnuna tagħna.”
Din l-organizzazzjoni b’tim multi dixxiplinarju taħdem flimkien mal-Pulizija, il-membri tal-protezzjoni ċivili, infermiera, ħaddiema soċjali u psikoloġi trid tagħti l-għajnuna tagħha immedjata lil kull min għandu bżonn. Dr Xuereb jgħid li huma lesti li jaħdmu ma’ kwalunkwe entità li lesta tħaddan il-ħajja għax it-traġedja aħħarija tal-mard mentali hi proprju s-suwiċidju fejn ta’ kuljum ikun hemm niex li qegħdin ibatu. Fi statistika li kkwota l-psikologu qal li kull 40 sekonda x’imkien fid-dinja jsir suwiċidju u din hija realtà xokkanti u urġenti.
“Illum il-ġurnata mxejna pass ‘il quddiem fejn dak il-kuntistabbli fl-għassa jew omm inkwetata għal wild tagħha, jistgħu jċemplulna għal xi parir biex ngħinuhom u dan hu r-rigal tagħna,” qal Mark Xuereb. Barra minn hekk huwa ħabbar li t-tim se joffri sa tliet trattamenti bla ħlas għal dawk li jkunu f’mewġa ta’ kriżi bi ħsibijiet ta’ suwiċidju fejn wara jkun iggwidati għas-servizzi tal-Gvern għal dak kollu li jkollha bżonn.
Il-psikologu sostna fuq il-bżonn li jieħdu azzjoni u mhux inkunu kompjaċenti ma’ sitwazzjoni bħal din għax, “ħafna drabi l-persuna li tkun qed tikkontempla tneħħi ħajjitha b’idejha, fil-verità din ma tkunx trid tmut iżda kulma jkollha bżonn hu lil xi ħadd jagħtiha widen għas-sofferenzi li tkun għaddejja minnhom.”
Huwa semma l-kampanja bl-islogan “Take One Minute” immirata biex nisimgħu u noqogħdu mal-persuna fi kriżi u niddedikawlha dik il-minuta li tista’ ssalva ħajja.
Fil-messaġġ tiegħu, Dr Mark talab biex, “niddedikaw minuta lil dik il-persuna li tkun fi kriżi għax nistgħu nsalvaw ħajja.” Huwa jgħidilna li anke aħna nsiru membri tal-Crisis Team meta nagħmlu dan il-ġest tant importanti, ikollna sodisfazzjoni personali u nsiru eroj. Huwa faħħar il-ħidma tal-mezzi tax-xandir li mingħajr ma jsir sensazzjonaliżmu żżejjed qegħdin iwasslu messaġġ li permezz tiegħu qed jikber l-għarfien tas-suwiċidju u anke kienu evitati attentati grazzi għal pubblikazzjonijiet li saru.
Kull min hu, jew taf lil xi ħadd li hu, għaddej minn xi kriżi jew għandu l-ħsieb ta’ suwiċidju jista’ jfittex l-għajnuna billi jċempel fuq: 99 33 99 66.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.