Mudella m’għandhiex bżonn ta’ kuntatt fiżiku għal ħajja sesswali sodisfaċenti

“Nilħaq il-quċċata tal-pjaċir bil-ħsieb biss”

minn Carmen Cachia       

Aktar min-nofs in-nisa li pparteċipaw fi studju riċenti fl-Awstralja qalu li huma ddiżappuntati fil-ħajja sesswali tagħhom. Jirriżulta li s-sess femminili qiegħed jesperjenza xi tip ta’ stress relatat mas-sess. B’kuntrast totali għal dan, mudella minn Los Angeles tgħid li hija sodisfatta ħafna bil-ħajja sesswali tagħha grazzi għall-fatt li kapaċi tilħaq il-quċċata tal-pjaċir sempliċiment bil-ħsieb. Il-mara bl-isem ta’ Marcela Iglesias, barra li qalet li għaliha dan huwa ferm aktar sodisfaċenti milli jkollha sess “proprja”, tisħaq li moħħha għandu l-kapaċità li jwassalha għal orgażmu mingħajr ħadd ma jmissha.

L-istudju ppubblikat fil-ġurnal “Fertility and Sterility” kellu 7,000 parteċipanti li l-etajiet tagħhom varjaw bejn it-18 u t-39 sena. Dan sab li waħda minn kull ħames nisa kellha problema serja fejn tidħol l-attività sesswali tagħha, ammont pjuttost għoli u inkwetanti għar-riċerkaturi u l-esperti fil-qasam.

In-nisa u s-sess…

Il-problemi għan-nisa fejn tidħol il-ħajja sesswali tagħhom ħafna drabi huma moħbija u l-akbar ostakli għas-sess ġentili jingħad li huma nuqqas ta’ kunfidenza fid-dehra fiżika tagħhom, nuqqas ta’ aptit għas-sess u problemi relatati mal-orgażmu. In-nisa b’kunfidenza baxxa minħabba d-dehra tagħhom huma l-aktar li jilmentaw b’ħajja sesswali fjakka.

Din il-problema żgur li m’hiex taffettwa lill-mudella Amerikana li għandha 380,000 segwaċi fuq Instagram. Minkejja li Iglesias għandha 44 sena, hija mara ferm attraenti u kunfidenti fiha nnifsha. F’intervista li għamlet ma’ “Jam Press” Iglesias sostniet li, “jien aktar tip ta’ persuna li nistimula lili nnifsi permezz tal-ħsieb. M’hemmx għalfejn ikun hemm kuntatt fiżiku biex neċċita ruħi”.

Hija tkelmet dwar it-teknika tal-moħħ tagħha fejn spjegat kif f’sentejn hija rnexxielha tipperfezzjonaha. L-omm ta’ wild wieħed b’kunfidenza liema bħala qalet li hija faċilment tilħaq orgażmu mingħajr ma tmiss lilha nnfisha. Deskritta bħala “l-masturbatriċi tal-ħsieb” il-mudella spjegat li biex persuna tilħaq il-quċċata tal-pjaċir sesswali mingħajr kuntatt jew użu tal-idejn, huwa importanti li tistimula l-glandola pineali, il-parti fil-moħħ li tipproduċi l-kimika melatonina, li hija wkoll responsabbli fost l-oħrajn għall-istuttura tal-irqad u l-metaboliżmu tal-ġisem.

Iglesias għandha stil ta’ ħajja partikolari li addattat ruħha għalih bil-għan li “tnaddaf” lilha nnifsha psikoloġikament. Fil-fatt, jija ma tikkonsmax alkoħol u laħam, tuża prodott “ghee” minflok butir normali u ma tużax toothpaste li fih il-fluworidu.

Eżerċizzju erotiku li bidlilha ħajjitha

“Irrid inkun nadifa kemm jista’ jkun bil-għan li nilħaq stat mentali perfett li kapaċi jilqa’ għal sitwazzjonijiet differrenti,” sostniet ir-“Reġina ta’ Hollywood” – laqam li din il-mudella tat lilha nnfish. Hija qiegħda tipprova tispjega l-eżerċizzju erotiku li bidlilha ħajjitha u l-mod kif tħares lejn is-sess.

Hija spjegat li l-ambjent li tkun fih huwa importanti wkoll u dan minħabba li jiffaċilita s-sess fil-moħħ. Iglesias tħobb tuża mużika bi ħsejjes tal-baħar u timmaġina sitwazzjonijiet erotiċi differenti fosthom avventuri mal-persunaġġ tal-film “X-Men”, Professor X!

“Nimmaġina li nkun fi gżira waħdi fejn it-temp ikun sħun u l-baħar fietel. Imbagħad dan il-kreatura affaxxinanti jiġi u nħoss is-sħana tiegħu. Il-persuna mhux neċessarjament ikollha dehra umana. Iktar inħossu bħala tip ta’ enerġija… M’hemmx għalfejn immiss lili nnifsi biex nieħu pjaċir. Jiena, kompletament indipendenti,” iddikjarat din l-influencer.

“Ir-raġel tagħha, li fil-mument għadu parteċipi fil-ħajja sesswali magħha, huwa kburi ħafna li martu tieħu ħsieb tajjeb ħafna tagħha nnfisha u ta’ ġisimha”

Għad m’hemmx riċerka xjentifika biżżejjed…

Ovvjament, għal ħafna, din hija xi ħaġa ġdida u anke pjuttost stramba iżda l-mudella tinsisti li m’għandhiex xi tip ta’ kriżi fejn jidħol is-sess. Hija ssostni li dejjem kienet komda u sodisfatta kompletament dwar is-sesswalità tagħha. Tisħaq li bħala persuna, hija għandha ideat progressivi li permezz tagħhom tikseb pjaċir kbir. 

Mhux hekk biss. Ir-raġel tagħha, li fil-mument għadu parteċipi fil-ħajja sesswali magħha, jingħad li huwa kburi ħafna li martu tieħu ħsieb tajjeb ħafna tagħha nnfisha u ta’ ġisimha. 

Minkejja li din il-mara taħlef bit-teknika tagħha u l-benefiċċji kollha li ssostni li ġġib magħha, il-kamp xjentifiku għadu m’għamilx riċerka biżżejjed li tikkonferma li hemm xi relazzjoni beeejn l-istimulazzjoni tal-glandola pineali tal-moħħ mal-bqija tas-saħħa fiżika. Aktar u aktar, m’hemmx konferma li jista’ jkun hemm mod kif tuża l-moħħ biex ikollok orgażmu. It-tobba, fil-fatt, jirrakkomandaw lin-nies biex qabel ma jagħmlu xi tibdil fid-dieta tagħhom, l-ewwel aħjar li jieħdu parir minn professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

Huma ħafna n-nies li ma jemmnux li teżisti meditazzjoni li twasslek għal pjaċir sesswali. Fl-2020 kritiċi attakkaw lill-grupp “OneTaste”, imwaqqfa minn Nicole Daedone fl-2001, li jemmnu fl-eċittament sesswali bil-ħsieb. Dawn sostnew li dan il-grupp huwa kult sesswali mmexxi minn persuna messjanika.

Minkejja dan, Iglesias tawgura li kulħadd jasal biex jesperjenza dak li qiegħda tesperjenza hija. Bil-għan li hija tieħu aktar pjaċir sesswali, fl-2019 din il-mudella għamlet intervent mhux kirurġiku li fih tinjetta l-plażma tagħha stess f’parti partikolari tal-parti sesswali tagħha. 

L-intervent li sarilha jgħin biex tiżdied ix-xewqa għas-sess, persuna teċċita ruħha akar malajr u jkollha orgażmi aktar spissi u aktar qawwija. Rigward dan, il-mudella kkonfermat li l-parti intima tagħha issa hija ferm aktar sensittiva u fil-fatt tirrakkomanda biex in-nisa kollha jitħajjru jagħmlu dan l-intervent “maġiku”

Share With: