MFA – Issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali

Ritratt: Dominic Aquilina

L-Erbgħa, saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Football Association għas-Sena 2021, fil-Lukanda Dolmen, il-Qawra.

Punti fuq l-aġenda kienu jinkludu l-approvazzjoni tal-minuti tal-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fid-29 ta’ Lulju 2020; l-approvazzjoni tar-Rapport tal-Attivitajiet tal-Assoċjazzjoni għas-sena 2020/21; l-approvazzjoni tal-Kontijiet Verifikati u r-Rapport Finanzjarju għas-sena 2020/21; l-elezzjoni tal-Membri Ordinarji tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għas-sena 2021/22; żidiet jew alterazzjonijiet fl-Istatut tal-Assoċjazzjoni u mozzjonijiet.

Ma kienu meħtieġa l-ebda elezzjonijiet għall-Membri Ordinarji tal-Kumitat Eżekuttiv billi n-numru ta’ kandidati kien ugwali għan-numru ta’ postijiet vakanti.

Il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv se jkunu għalhekk:

Premier: Jesmond Abela u Victor Cassar

Challenge League: Joseph Sammut u Stefan Vella

National Amateur League: Ro­bert Camilleri, Patrick Cutajar, Chris Grech u Cory Greenland

Youth FA: Stephanie Rocco

Gozo FA: Samuel Azzopardi

Assoċjazzjonijiet Membri oħra: David Abdilla u Francis Muscat

Sadanittant ġew approvati żewġ mozzjonijiet li ġew proposti f’din l-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Dawn kienu dwar il-kompożiz­zjoni tan-National Amateur League wara t-tmiem prematur tal-istaġun 2020/21 u l-oħra kienet fuq it-talba għal sħubija mill-MFPA, GIDA, SWAN u Veterans Malta.

STAĠUN 2021/22

Dan l-istaġun, se jkun hemm 12-il team fil-Kampjonat Premier, 22 fiċ-Challenge League u 19 fin-National Amateur League. Fl-istaġun 2022/23, in-numru ta’ timijiet fil-Premier League jerġa’ jitla’ għal 14 u n-numru ta’ timijiet fiċ-Challenge League jinżel għal 18 sabiex fl-istaġun 2023/24, il-format ikun b’14-il team fil-Kampjonat Premier, 16 fiċ-Challenge League u t-timijiet li jkun fadal fin-National Amateur League.

Għall-istaġun 2021/22, il-Premier League se jkun qed jintlagħab fuq żewġ fażijiet bit-timijiet jinqasmu f’żewġ pools għall-aħħar round b’żewġ timijiet jiġu relegati.

Iċ-Challenge League se jkun maqsum f’żewġ gruppi bl-ewwel tnejn minn kull grupp jirbħu l-promozzjoni u t-tlieta ta’ isfel minn kull grupp jiġu relegati.

Min-naħa l-oħra, erba’ timijiet jiġu promossi miż-żewġ gruppi tan-National Amateur League – ir-rebbieħ ta’ kull grupp, ir-rebbieħ tad-decider bejn iż-żewġ runner-ups u r-rebbieħ tal-play-offs.

L-istaġun ta’ wara, 2022/23, jara lill-Premier League jerġa’ lura għall-format normali tiegħu b’14-il team jilagħbu fuq żewġ rounds bit-tnejn ta’ isfel jiġu relegati u t-team li jispiċċa t-tielet minn isfel jieħu sehem fil-Play-Out kontra r-rebbieħ tad-decider bejn iż-żewġ runner-ups taż-żewġ gruppi taċ-Challenge League.

Ir-rebbieħa taż-żewġ gruppi taċ-Challenge League jiġu promossi filwaqt li l-aħħar tliet timijiet ta’ kull grupp jiġu relegati. Erba’ timi­jiet jiġu promossi miż-żewġ gruppi tan-National Amateur League – ir-rebbieħ ta’ kull grupp, ir-rebbieħ tad-decider bejn iż-żewġ runner-ups u r-rebbieħ tal-play-offs.

Mill-istaġun 2023/24, iċ-Challenge League jerġa’ lura għall-format normali tagħha ta’ 16-il team li jilagħbu fuq żewġ rounds.

L-ewwel tnejn ikunu promossi waqt li t-team li jtemm fit-tielet post jiffaċċja lit-team li jispiċċa t-tielet mill-aħħar fil-Kampjonat Premier fil-Play-Out tal-istess kampjonat.

Erba’ timijiet jiġu relegati fin-Natioanl Amateur League li jerġa’ lura għal tliet gruppi li jilagħbu fuq tliet rounds. Ir-rebbieħa tal-grupp jik­sbu promozzjoni filwaqt li t-timijiet li jispiċċaw fit-tieni, it-tielet u r-raba’ post f’kull grupp jidħlu fil-Promozzjoni tal-Play-Offs.

TALBA GĦAL AMMISSJONI BĦALA MEMBRI MAL-MFA

Sadanittant wara li rċevew tal­biet għal ammissjoni bħala membri sħaħ mill-GIDA, SWAN u Veterans Malta Football Association li kienu assoċjazzjonijiet affiljati mad-District Football Leagues u kkunsidrat li l-Malta Football Players Association (MFPA), li hija l-entità li tirrappreżenta lill-players tal-football, fil-passat talbet ukoll lill-Assoċjazzjoni biex tikkunsidra li tagħtiha status ta’ Sħubija, il-Malta Football Association ipproponiet li billi l-erba’ assoċjazzjonijiet kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sħubija, huma jingħataw sħubija sħiħa u effettiva immedjatament.

L-MFA TĦOSS ID-DAQQATAL-PANDEMIJA TAL-COVID-19

L-MFA ippubblikat ir-rapport ann­wali tagħha li juri li l-Assoċjazzjoni temmet l-aħħar staġun b’telf ta’ madwar €1.3 miljun.

Dan kollu kien kaġun tal-pandemija tal-coronavirus fejn inħass ferm il-fatt li l-MFA ma ġġeneratx dħul mill-partitti tal-kampjonat lanqas minn dawk tat-team nazzjonali minħabba li ntlagħbu bil-bibien magħluqa.

Dan ir-rapport kien ippreżentat mit-teżorier Ivan Mizzi.

Ir-rapport wera li l-proprjetá tal-MFA illum għandha valur ta’ €12,502,237.

Dan filwaqt li l-assoċjazzjoni għandha assi finanzjarji b’valur ta’ €16,315, 262.

DĦUL U INFIEQ

Id-dħul jammonta għal €8,561,454 waqt li l-infiq totali jammonta għal €9,414,145. Dan ifisser li kien hemm telf ta’ €1,313,510.

Fost dan it-telf reġistrat kien hemm dak ġej mill-użu tal-pixxina li kienet tinsab fil-kwartieri ġe­nerali tal-MFA li għamlet madwar €148,000 f’telf u li kawża ta’ hekk ġiet magħluqa.

Id-dħul (fid-dettall) kien jammonta: FIFA: €1,276,790; UEFA Hat-trick Solidarity: €2,145,000; UEFA Refe­rees convention: €100,000; UEFA dħul ieħor: €237,497; sponsorships €479,361; drittijiet televiżivi: €2,504,400;  FIFA Covid-19 assistance: €995,339; faċilitaijiet sportivi: €398,968 u dħul ieħor: €277,236.

L-infieq  kien jinkludi salarji ta’ amministrazzjoni li jammontaw għal €2,654,304 li fissru 23% tan-nefqa totali, spejjeż ta’ konvenzjoni tar-referees €130,882, vjaġġar u akkomodazzjoni €1,067,190.

MATTHEW GUILLAUMIER PLAYER TAS-SENA 2021

Tħabbar ukoll li l-midfielder internazzjonali Mal­ti ta’ Hamrun Spartans, Matthew Guillaumier, ġie vvutat bħala l-Player tas-Sena 2021.

Huwa kien strumentali biex għen lill-Ispartans jirbħu l-kampjonat wara nuqqas ta’ 30 sena.

Fl-istaġun li għadda, fil-Kampjonat Premier huwa lagħab 19-il partita (minn massimu ta’ 23), b’ħin effetwat ta’ 1678 minuti fejn skorja goal wieħed. Huwa lagħab 16-il logħba sħiħa, darbtejn ġie sostitwit u fil-logħba l-oħra huwa ġie utilizzat bħala sostitut.

Barra minn hekk, minn Settembru 2020,  huwa lagħab tmien partiti ma’ Malta – UEFA Nations League (4), Tazza tad-Dinja (3) u Logħba ta’ Ħbiberija (1). Huwa skorja goal wieħed, kontra Faroe Islands fil- UEFA Nations League.

Share With: