Il-Ministru Michael Farrugia se jkompli l-kwarantina minn daru

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia fl-aħħar ħin kompla jagħti aktar informazzjoni b’rabta mas-sitwazzjoni medika tiegħu. Farrugia spjega li waqt li kien qed jagħmel ‘self monitoring’ u rriżulta li wieħed mill-parametri seta’ ma kienx normali, ingħata l-parir biex jidħol l-isptar għal aktar testijiet. Billi wieħed mit-testijiet irriżulta abnormali, saru aktar testijiet li fortunatament ma wrewx kumplikazzjonijiet.

Billi l-parametri baqgħu stabbli, ġie rilaxxat mill-isptar iżda se jkompli l-kwarantina mid-dar. Il-Ministru enfasizza dwar il-fatt li hu vvaċċinat kontra l-Covid-19 li kien ta’ għajnuna biex ma jaqlibx għall-agħar.

Farrugia rringrazzja lil Dr. Malcolm Caruana tal-ġentilezza u kura professjonali li tah fid-Dipartiment tal-Emerġenza, lill-Konsulenti Dr. Tonio Piscopo u Dr. Charles Mallia Azzopardi, l-istaff impekabbli tal-‘Infectious Diseases Unit’ u lil Dr. Chris Barbara tal-għajnuna tiegħu.

Irringrazzja wkoll lill-Prim Ministru Dr Robert Abela li ta’ kuljum żamm kuntatt miegħu u lid-Deputat Prim Ministru Dr Chris Fearne tas-sapport tiegħu, lill-President ta’ Malta Dr George Vella u lill-Ispeaker tal-kamra Dr Anġlu Farrugia, hekk ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech, membri tal-kabinett u membri miż-żewġ naħat tal-kamra kif ukoll uffiċjali tal-Partit Laburista tal-kliem ta’ kuraġġ.

Huwa ma setax ma jirringrazzjax minn qalbu lis-sieħba u l-familjari tiegħu li kienu kontinwament ta’ spalla tul dan l-episodju f’ħajti.

Share With: