Il-Kummissarju għall-Istandards ma jsib xejn ħażin fil-kirja tad-Downtown Hotel bħala dar tal-anzjani

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li d-deċiżjoni tal-gvern li jikri d-Downtown Hotel fir-Rabat, Għawdex, biex jużaha bħala dar għall-anzjani ma tirrappreżentax abbuż ta’ poter jew ksur ta’ etika.

Il-lukanda nkriet fl-2020 bħala miżura prekawzjonarja kontra l-pandemija COVID-19.

Il-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment mingħand il-Prof. Arnold Cassola kontra l-Onor. Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex. L-ilment kien jallega li l-kiri tal-lukanda sar b’mod abbużiv għaliex l-gvern kellu għad-dispożizzjoni tiegħu propjetà mibnija fuq art tiegħu, il-Lourdes Home li hija mmexxija mis-Sorijiet Dumnikani. Din allegatament kienet aktar adattata biex tintuża bħala dar għall-anzjani u kienet tirrikjedi spiża inqas mid-Downtown Hotel.

Il-Kummissarju sab li d-deċiżjoni kienet ittieħdet mill-Kabinett, u li l-Lourdes Home hija propjetà tas-Sorijiet Dumnikani, mhux tal-gvern. Is-sorijiet kienu tal-fehma li l-Lourdes Home ma kenitx adegwata bħala dar għall-anzjani u ma kenux disposti li joffruha għal dan il-għan. Il-Kummissarju għalhekk ma laqax l-ilment. 

Il-Kummissarju kkonkluda wkoll li ġaladarba l-Lourdes Home ma kenitx tirrappreżenta alternattiva għal-lukanda mikrija mill-gvern, ma kellux bażi biex jinvestiga l-użu ta’ direct order biex tinkera l-lukanda, b’mod partikolari meta wieħed iqis li direct orders huma permissibbli f’ċerti ċirkostanzi, u l-pajjiż kien f’sitwazzjoni ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika. 

Share With: