Il-futur hu ta’ Natasha jew ta’ Yelena?

“Black Widow” stabbilixxa rekord ġdid ta’ dħul fil-box office Amerikana ta’ żmien il-pandemija.  Fl-ewwel tlitt ijiem kellu dħul ta’ $80 miljun.  F’mossa rari, id-Disney ħabbru wkoll il-figura tad-dħul ġejja mill-istreaming service billi l-film hu disponibble fuq Disney Plus.  Kellu dħul ta’ $60 miljun.  Mill-pajjiżi fejn ħareġ, dan il-film kellu dħul ta’ $78 miljun oħra.  

“Fast & Furious 9” waqa’ lura u niżel fit-tieni post b’dħul ta’ $10.8 miljun fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Meta tgħodd id-dħul kollu globali, diġa laħaq iċ-ċifra ta’ $542 miljun wara tliet ġimgħat.

Fit-tielet u fir-raba’ post tal-box office Amerikana insibu żewġ films oħra tal-kumpanija Universal.  Dawn huma “Boss Baby: Family Business” u “The Forever Purge”.  “A Quiet Place Part II” okkupa l-ħames post.

Black Widow

Kemm il-darba ffaċċjajt il-mistoqsija, għala l-films ispirati mill-karattri maħluqa mill-Marvel jagħmlu aktar suċċess minn dawk ibbażati fuq karattri tad-DC Comics.  Jien naħseb li hemm tweġiba ċara.  Il-Marvel huma aktar proattivi u meta ikunu reattivi, il-Marvel jagħmlu dan b’ħeffa u l-azzjoni li jieħdu tkun innovattiva.

Il-każ ta’ “Black Widow” hu eżempju ċar.  Id-DC Comics għandhom lil Batman, bħala wieħed mill-ftit super-eroj li mgħandux super-poteri u xorta hu wieħed mill-aktar popolari.  Is-saħħa ta’ Batman hi fl-umanità tiegħu.

Il-karattru ta’ Natasha Romanoff ilna narawh fuq l-iskrin minn “Iron Man 2” – jiġiferi mill-2010.  Dejjem rajniha bħala ġellieda effiċjenti neqsa mis-super-poteri li għandhom il-membri l-oħra tal-Avengers.  Jekk id-DC Comics ippreżentaw lil Wonder Woman ġo film maħdum taħt id-direzzjoni ta’ mara (Patty Jenkins), “Black Widow” għandu mara fit-tmun.  Din hi Cate Shortland.  Fil-fehma tiegħi, Shortland mhix viżjonarja daqs Jenkins.

Il-prologu ser iġgħelna nissimpatiżżaw aktar ma’ Natasha Romanoff.   Jeħodna f’Ohio fl-1995.  Natasha (Ever Anderson) għandha 13-il sena.  Għandha oħtha Yelena (Violet McGraw) li hi iżgħar minnha. Ommhom Melina (Rachel Weisz) tkun qegħda tipprepara l-ikel meta jitfaċċa l-missier Alexei (David Harbour) imħasseb. Lill-martu jgħidilha li għandhom siegħa biss biex jaħarbu.  Jitilqu kollox warajhom u jsuqu lejn ajruplan moħbi li kellhom bl-awtoritajiet Amerikani jiġru warajhom u jisparaw fuqhom.  Jirnexxilhom jaħarbu u jinżlu f’Kuba.  Mal-wasla, iż-żewġt ibniet jiġu injettati u mitlufa minn sensihom.

Il-ġenituri kienu spijji Russi. It-tfal jispiċċaw f’idejn il-Ġeneral Dreykov (Ray Winstone).  Dan ikun il-moħħ wara programm biex lin-nisa jagħmel ġellieda b’saħħithom u qattiela li meta jsiru letali, isejħilhom ‘Black Widows’.  It-taħriġ u l-kundizzjonament mentali  jingħata f’dik li tissejjħa ir-Red Room.

In-narrattiva issa taqbeż 21 sena, b’Natasha (Scarlett Johansson) qegħda tipprova tagħmel sens minn dak li ġara f’ħajjitha.  Huwa l-perjodu wara l-ġrajja ta’ “Captain America: Civil War” (2016), meta l-Avengers infirdu.  Natasha taħrab lejn il-Punent u ssieħbet il-fazzjoni ta’ Steve Rogers.  Minkejja dan id-dettal, il-film jiffoka fuq l-oriġini ta’ Natasha, kif ukoll il-ħiliet u l-identità tagħha.  Il-film mhux nieqes minn azzjoni frenetika u stunts spettakolari.

F’Budapest, Natasha terġa ssib lil Yelena (il-parti issa f’idejn Florence Pugh), li saret qattiela wkoll. L-ewwel laqgħa mill-ġdid ta’ bejniethom mhix ta’ tgħanniqa imma ġlieda spettakolari fil-kċina li turina it-taħriġ militari li huma ħadu.  Meta jirrikonċiljaw, huma jiġu f’sensihom li l-għadu tagħhom hu l-monstru Dreykov li serqilhom it-tfulija u l-innoċenza.

Biex jeħduha kontra Dreykov, iż-żewġt aħwa riedu jerġgħu jġibu flimkien il-familja.  “Black Widow” jippreżentalna xena ħelwa u komika ta’ kif jeħilsu lill-missierhom Alexei minn ħabs li jagħtik l-impressjoni li qed fis-Siberja.  Huwa jkun ir-Red Guardian, jew aħjar il-verżjoni Russa ta’ Captain America. Tissieħeb ukoll ommhom Melina.

Scarlett Johansson hi konvinċenti bħalha dik li trid vendetta, imma fl-istess ħin għandha ċerta vulnerabilità.  Il-konfront finali ma’ Dreykov, joħorġu elementi oħra tal-karattru ta’ Natasha: id-determinazzjoni u kemm hi makakka.  

Jekk tħobb il-films tal-Marvel, tgħaġġilx titlaq ’l barra għax hemm post-credits scene importanti ħafna.  Mhux ser niżvela x’niġri għax niddiżappunta lil dawk li għadhom ma rawx il-film.  Ngħid biss li din ix-xena ma nħadmitx mal-bqija tal-film.  Florence Pugh li tati nterpritazzjoni tajba, żvelat li din ix-xena inħadmet meta saru ir-reshoots.   Dawn ix-xeni jagħtuna ftit aktar dettal dwar il-karattru ta’ Yelena u anke ħjiel dwar il-futur.  Kif?  Araw il-post-credits scene u ibdew ispekulaw forsi ssibu t-tweġiba jekk il-futur fil-films tal-Marvel hux ta Natasha jew ta’ Yelena.

Share With: