Epidemija fl-Indja tħalli aktar minn 4,300 vittma… pazjenti tal-Covid-19 l-aktar f’riskju

Aktar minn 4,300 persuna mietu kawża tal-black fungus fl-Indja hekk kif din l-epidemija qiegħda tkidd prinċiparjament lill-pazjenti tal-Covid-19.

Il-Ministru għas-Saħħa Mansukh Mandaviya kkonferma li kienu rrapurtati aktar minn 45,000 każ ta’ din l-infezzjoni rari u perikoluża tal-mucormycosis. Din l-infezzjoni taffettwa l-imnieħer, l-għajnejn, xi darbi anke l-moħħ u normalment taffettwa lil dawk li jkunu ilhom bejn 12-18-il ġurnata li rkupraw mill-virus tal-Covid-19.

Skont it-tobba nofs dawk infettati għadhom qegħdin jirċievu l-kura u jidher li hemm relazzjoni bejn din l-infezzjoni u sterojdi li qed jintużaw biex ifejqu l-virus. Dawn l-isterojdi jgħinu biex inaqqsu l-infjammazzjoni fil-pulmun, iżda min-naħa l-oħra jnaqqsu l-immunità u jgħollu l-livell taz-zokkor fid-demm.

It-tobba qegħdin jsostnu li l-unika mediċina kontra din l-infezzjoni hija tilqima speċifika u fost l-aktar stati milqutin hemm Maharashtra u Gujarat li raw 1,785 vittma kawża tal-istess infezzjoni.

Share With: