ARA: “L-użu diġitali tal-vawċers se jwitti t-triq għal inizjattivi oħra”

Minn Brian Gatt, Filmat: Alan Saliba

“Bħalma kien mistenni l-vawċers intlaqgħu tajjeb ħafna u l-użu tagħhom huwa wieħed b’saħħtu ħafna.” Ikkonferma dan il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri meta mistoqsi minn dan is-sit dwar l-andament tal-vawċers u l-kontribut tagħhom fl-ekonomija Maltija fl-aħħar ġimgħat.

Schembri qal li issa li għadda madwar nofs il-perjodu tal-użu ta’ dawn il-vawċers, l-injezzjoni tagħhom fl-ekonomija kien wieħed b’saħħtu ħafna. Aktar dettalji se jkunu qegħdin jingħataw għada waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-istess Ministru.

Il-Ministru tkellem dwar l-importanza tal-aspett diġitali f’din l-iskema ta’ għajnuna. Żied jgħid li “r-rispons pożittiv ħafna ta’ dawk li qegħdin jagħmlu użu mill-vawċers b’mod diġitali, tagħtina kuraġġ biex inizjattivi oħra fil-futur jkunu jinkludu l-aspett diġitali biex inkunu nistgħu nkabbru din il-kultura mill-aspett diġitali li toffri wkoll ċertu effiċjenza”.

Fost vantaġġi tal-vawċers b’mod diġitali huwa li tista’ tittrasferih lil ħaddieħor u tista’ tħallas bih ħwienet li minnhom tagħmel l-ordnijiet tiegħek.

Dan kien it-tieni sett ta’ vawċers li qiegħed iservi ta’ injezzjoni tajba fl-ekonomija Maltija u li għalih il-gvern alloka fond ta’ €50 miljun. Il-vawċers bdew jintefqu mis-7 ta’ Ġunju li għadda u se jkunu jistgħu jiġu utilizzati sad-data ta’ skadenza li hija l-15 ta’ Settembru.

Fl-ewwel sett ta’ vawċers il-Gvern ħareġ €45 miljun u ntefqu €90 miljun hekk kif għal kull ewro li ngħataw in-nies nefqu ewro ieħor.

Share With: