AĠĠORNATA: 1,824 persuna oħra jitlaqqmu mingħajr appuntament fiż-Żejtun

Ritratti u Filmat: Alan Saliba

Hekk kif kompla bl-appell tiegħu favur aktar persuni li jitlaqqmu biex inkomplu nipproteġu l-komunità, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-attività fiż-Żejtun kienet oħra ta’ suċċess.

Illum kien hemm 1,824 persuna li ħadu l-ewwel doża tat-tilqima u sa issa pajjiżna għandu 82 fil-mija tal-adulti li huma mlaqqmin kompletament.

Fearne fakkar li l-Ġimgħa l-mobile unit għal dawk li jixtiequ jitlaqqmu mingħajr appuntament se jkun qiegħed jagħti dan is-servizz f’San Ġiljan u għalhekk kompla jħeġġeġ lil dawk kollha li għadhom ma tlaqqmux biex jaħtfu din l-opportunità.

10:00 a.m: Konkorrenza qawwija għat-tilqim bla appuntament fiż-Żejtun

Sa minn kmieni dalgħodu għadd kbir ta’ persuni rħewlha għaż-Żejtun biex jitlaqqmu kontra l-Covid-19 fil-mobile clinic fil-limiti tal-pjazza fejn il-Knisja.

Ritratti ta’ dan is-sit jixhdu kif reġa’ hemm konkorrenza għat-tilqim fl-irħula hekk kif mit-Tnejn li għadda beda t-tilqim mingħajr appuntament u anki klinika li ddur minn post għall-ieħor qed tmur fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż.

Nhar it-Tnejn kważi 2,500 ruħ tlaqqmu kontra l-Covid-19. Il-Klinika fil-Mosta kellha tkun miftuħa sa nofsinhar iżda baqgħet toffri servizz minħabba d-domanda qawwija. Il-Ġimgħa l-mobile clinic se jkun qiegħed jagħti dan is-servizz mil-lokalità ta’ San Ġiljan.

Pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ tilqim kontra l-Coronavirus fosthom anki fost etajiet żgħar. S’issa f’pajjiżna hawn 85 fil-mija tal-popolazzjoni li ħadet minn tal-anqas l-ewwel tilqima u 81 fil-mija tal-popolazzjoni li ħadet iż-żewġ dożi (doża waħda fil-każ tal-Johnson).

Share With: