Żieda fil-każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani… “Il-ġerħa tal-abbuż lili tweġġagħni ħafna” – il-Kummissarju tal-Anzjani Dr Mary Vella

Għalkemm l-abbuż fuq l-anzjani hi problema soċjali kbira, huwa diffiċli li jkun magħruf eżatt in-numru ta’ każijiet, minħabba li jkun hemm drabi fejn dawn jibqgħu mistura.

Il-ġerħa tal-abbuż ilha teżisti minn dejjem u għalkemm l-istatistika qiegħda turi li kulma jmur in-numru ta’ każi qegħdin dejjem aktar jiżdiedu, dan jista’ jkun riżultat ta’ aktar għarfien u anke għax jafu li jekk se jfittxu l-għajnuna, se jsibuha.

Dan minbarra l-fatt li l-faxxa ta’ nies anzjani qiegħda tkompl ii tikber u n-nies qed jgħixu aktar u għalhekk huwa mistenni li din il-problema tiżdfied kemm fl-inċidenza kif ukoll fil-kumplessità tagħha.

Stqarret dan il-Kummissarju tal-Anzjani Dr Mary Vella f’kummenti li għaddiet fl-okkażjoni tal-jum dinji ddedikat għall-għarfien kontra l-abbuż fuq l-anzjani.

Fil-kummenti tagħha, Dr Vella qalet li l-ġerħa tal-abbuż lilha tweġġagħha ħafna u flimkien ma’ entitajiet u setturi oħra konċernati, jaħdmu biex tkun miġġelda din ir-realtà.

Hija qalet ukoll li ma għandniex nibżgħu nitkellmu fuq dan is-suġġett sensittiv. Dan hekk kif iktar ma nqajmu għarfien f’dan ir-rigward, iżda dak li jkun ifittex l-għajnuna għax jaf li se jsib ħajt ta’ kenn u appoġġ.

“Fil-ġlieda tagħna kontra l-abbuż huwa importanti li jkun hemm iżjed tagħlim biex l-anzjani jkabbru l-ħiliet tagħhom u jagħrfu x’inhu u x’mhux aċċettabbli f’kull relazzjoni u kull tip ta’ sitwazzjoni fil-ħajja,” saħqet il-Kummissarju tal-Anzjani.

15 ta’ Ġunju: Jum iddedikat għall-għarfien kontra l-abbuż fuq l-anzjani

Il-15 ta’ Ġunju huwa l-jum iddedikat għall-għarfien kontra l-abbuż fuq l-anzjani. Nibda biex ngħid li l-irwol tal-Kummissarju għall-Anzjani ġie stabbilit taħt l-Att tal-Kummissarju għall-Anzjani Kapitlu 553 tal-Liġijiet ta’ Malta bis-setgħa li jippromwovi u jissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tal-anzjani u għalhekk huwa importanti li f’dan ix-xahar ta’ Gunju nkomplu noħolqu iżjed għarfien fuq il-gerħa tal-abbuż, inkomplu naħdmu biex tinħoloq kuxjenza dwar kemm għandna nieħdu ħsieb, inkunu grati u nuru mħabba u rispett lejn l-anzjani.

Nies akbar fl-età għandhom jitqiesu bħala riżors imprezzabli u produttiv, u aktar ma jkun hemm nies li jibqgħu f’tagħhom u f’saħħithom għal aktar snin, aktar se jkomplu jkollhom rwol importanti meta jagħtu kontribut siewi fil-familja fis-soċjetà u fil-pajjiż. Aħna nafu illi l-perjodu t’anzjanità anke, għaliex sirna ngħixu aktar huwa terminu wiesgħa ħafna, l-istess bħalma hemm spectrum wiesgħa ta’ vulnerabbiltà.

Għandna numru konsiderevoli ta’ anzjani li jibqgħu attivi ferm u dawn igawdu rispett qawwi, però min-naħa l-oħra kultant issib każijiet anke għax età avvanzata tista’ żżid il-vulnerabbiltà, li jiġu mogħtija ftit li xejn dinjità u awtonomija. Bħala Kummissarju, naħdem biex id-drittijiet fundamentali tal-bniedem jiġu dejjem imħarsa.

Skont il-WHO l-abbuż huwa definit bħala att intenzjonat li jista’ jkun ta’ darba jew ripetut, ta’ forza fiżika u poter, kemm jekk attwat kif ukoll forma ta’ theddid jew intimidazzjoni u li din l-azzjoni jew nuqqas tagħha twassal għal probabiltà kbira ta’ korriment (ġrieħi u sofferenzi), ħsara psikoloġika jew ċaħda minn affarijiet essenzjali. L-enfasi fuq l-użu tal-kelma poter hija importanti għax tinkludi bħala abbuż l-abbandun, it-traskuraġni, negliġenza jew nuqqas ta’ kura meħtieġa.

Għalkemm l-abbuż fuq l-anzjani hija problema soċjali kbira, huwa diffiċli li jkun magħruf eżatt in-numru ta’ każijiet, minħabba li jkun hemm drabi fejn dawn jibqgħu mistura. Il-ġerħa tal-abbuż kienet teżisti minn dejjem u għalkemm l-istatistika turi illi l-każijiet kulma jmur dejjem qegħdin jiżdiedu, dan jista’ jkun riżultat ta’ iżjed għarfien u anke għax jafu illi jekk se jfittxu għajnuna, ħa jsibu appoġġ. Dan barra l-fatt illi l-faxxa ta’ nies anzjani qiegħda kulma tmur dejjem tikber u n-nies qegħdin jgħixu aktar u għalhekk huwa mistenni illi din il-problema ha tikber kemm fl-inċidenza u anke fil-kumplessità.

Però, allavolja aħna u entitajiet oħra nagħmlu ħilitna biex noħolqu dan l-għarfien, xorta għad hemm individwi li jibqgħu jsofru fis-skiet din ir-realtà li ħafna drabi jseħħ bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom u tibqa’ ma tidhirx. Dan huwa riżultat ta numru ta fatturi fiżiċi soċjali u psikoloġiċi li jpoġġu lil ċertu persuni ta’ età akbar f’pożizzjoni li tagħmlu aktar vulnerabbli għal abbuż jew telqa, dan għaliex ħafna drabi l-vittmi jispiċċaw totalment dipendenti fuq min ikun qed jabbuża minnhom.

Dawn l-individwi ma jirrapurtawx jew (1) għax l-individwu la jkollu l-mezzi u lanqas jkun jaf kif jitlob l-għajnuna (2) jew għax jibżgħux mill-konsegwenzi jekk jirrappurtaw, speċjalment jekk minn qed jabbużahom huwa xi membru tal-familja jew l-unika persuna li qed tieħu ħsiebhom.  Il-biża’ tagħhom huwa li jispiċċaw waħedhom jew f’xi istituzzjoni. (3) Oħrajn ma jirrappurtawx għax jibżgħu li ma jiġux emmnuti jew għax (4) jikkunsidraw dan bħala xi ħaġa privata li trid tinżamm moħbija għax hija tal-mistħija li tkun qed tiġi abbużat kultant anke minn uliedek stess, u (5) oħrajn sforz l-imħabba lejn uliedhom, biex ma jaqilgħux inkwiet u jżommu l-paċi bejn l-aħwa u fil-familja.

L-abbuż jista’ jkun domestiku jew istituzzjonali

Hemm diversi tipi ta’ abbuż fosthom – abbuż fiżiku, emozzjonali, materjali/finanzjarju u abbandun. L-abbuż jista’ jiġi minn kull lat, kemm mill-familja, ħbieb jew ġirien kif ukoll, f’każijiet istituzzjonali minn min ikun responsabbli mill-kura tagħhom u għandu l-obbligu li jipprovdi protezzjoni.

L-abbuż domestiku ħafna drabi jseħħ fid-dar tal-individwu u min jabbuża ħafna drabi jkun xi ħadd minn tal-familja stess, għalkemm kultant l-abbuż ma jkunx intenzjonat imma jseħħ minn individwi li jkunu fiżikament u emozzjonalment għajjiena jew ikun hemm problemi ta’ saħħa mentali.

Jiena bħala Kummissarju tal-Anzjani, il-ġerħa tal-abbuż lili tweġġagħni ħafna u flimkien ma’ entitajiet u setturi oħra konċernati naħdem biex niġġieldu din ir-realtà. Ma għandniex nibżgħu nitkellmu fuq dan is-suġġett sensittiv. Iżjed ma nqajmu għarfien u nitkellmu fuq il-problema tal-abbuż iżjed dak li jkun ħa jfittex l-għajnuna għax jaf li ħa jsib ħajt ta’ kenn u appoġġ. Irridu nkomplu bil-ħidma biex l-anzjani tagħna jkollhom d-dinjità u r-rispett li jixraqilhom mill-membri kollha tas-socjetà.

Fil-ġlieda tagħna kontra l-abbuż huwa importanti li jkun hemm iżjed tagħlim biex l-anzjani jkabbru l-ħiliet tagħhom u jagħrfu x’inhu u x’mhux aċċettabbli f’kull relazzjoni u kull tip ta’ sitwazzjoni fil-ħajja. Importanti li nkomplu noħolqu għarfien fuq id-drittijiet tal-anzjani imma huwa daqstant ieħor importanti li kulħadd ikun midħla tad-diversi tipi ta’ abbuż, ikun kapaċi jagħraf u jinduna meta jiltaqa’ ma’ każ, u jkun jaf x’għandu jagħmel u fejn jirrikorri f’każ ta’ bżonn.

Biex wieħed ifittex l-għajnuna jista’ jcempel fuq il-helpline nazzjonali 179 fejn jiġi offrut sapport u informazzjoni. L-għan primarju tas-sapport line huwa li tiġi provduta għajnuna immedjata lil min hu fil-bżonn jew jekk jkun qiegħed ifittex xi informazzjoni, sapport jew ikollu bżonn jiġi riferut għal xi aġenzija tas-servizzi soċjali.

L-Aġenzija Appoġġ għandha servizzi għal min ikun għaddej minn din il-problema u qiegħda toħloq iżjed għarfien biex kull min għandu bżonn jersaq għal dawn is-servizzi u għajnuna.

F’każ ta’ allegat abbuż jew negliġenza ġo xi dar residenzjali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Anzjani jaħdem flimkien mal-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali (tel. no. 2549 4345) biex kull każ jiġi investigat u assigurat illi l-aħjar interessi tal-anzjani qed jiġu mħarsa u li qed jiġu mogħtija l-aħjar trattament u kura possibbli.

Jekk wieħed jixtieq jagħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Anzjani jista’ jċempel fuq in-numru 2590 3876 jew jibgħat email fuq officeofthecommissionerforolderpersons.msca@gov.mt u aħna niggwidawhom skont il-bżonn.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Anzjani qed jaħdem imma jeħtieġ sforz kollettiv ħafna ikbar biex l-Att dwar il-protezzjoni ta’ Adulti u Anzjani Vulnerabbli jiġi diskuss fil-Parlament. Bħala Kummissarju tal-Anzjani naħdem biex Malta tkun pajjiż fejn ir-rispett għad-drittijiet u d-dinjità ta’ nies akbar fl-età hija realtà f’kull qasam tal-ħajja.

Jiena nemmen f’socjetà fejn kulħadd hu trattat l-istess f’kull aspett mingħajr ebda diskriminazzjoni fuq l-età, fejn għandu jkun hemm imħabba, rispett u gratitudni u fejn għandna ninkoraġġixxu u għandu jkun hemm atteġġjament aktar pożittiv fil-konfront ta’ persuni akbar fl-età.

Share With: