Uċuħ tal-mexxejja tal-G7 iffurmati minn materjal elettroniku mormi

Fir-Renju Unit ittellgħet bħal skultura kbira bl-uċuħ tal-mexxejja tal-G7. Dan sar qabel is-summit bejn il-mexxejja u l-uċuħ ġew iffurmati minn materjal elettroniku mormi.

Din ix-xena ġiet imsemmija bħala “Mount Recyclemore” u l-għan warajha huwa li tiġi indirizzata l-problema tal-ħsara kkawżata mir-rimi b’mod irresponsabbli ta’ apparat elettroniku.

L-iskultur Joe Rush qal li hu jittama li din l-espressjoni artistika għandha tixgħel il-bozza l-ħamra dwar dan l-apparat li jintuża u li jista’ jkun riċiklabbli jew użat mill-ġdid. Huwa żied li l-materjal jeħtieġ li jkun jissewwa jew magħmul b’tali mod li jservi aktar għax ħafna minnu qiegħed jispiċċa fil-miżbla.

Skont rapport maħruġ min-Nazzjonijiet Uniti, fl-2019 ġew iġġenerati aktar minn 53 miljun tunellata ta’ skart elettroniku, madwar disa’ miljun tunellata aktar meta kkumparat mas-sena 2014.

Is-seba’ mexxejja li jidhru fl-iskultura huma l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, il-Prim Ministru Ġappuniż Yoshihide Suga, il-President Franċiż Emmanual Macron, il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi, Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau, il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel u l-President Amerikan Joe Biden.

Share With: