Tmien proġetti jirċievu €60,000 f’finanzjament dirett mill-Kunsill Malti għall-Arti

Dan bħala parti mill-Iskema RESTART 2021

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar it-tmien proġetti li ġew iffinanzjati bħala parti mill-iskema Edukazzjoni tal-Arti. L-iskema kompetittiva ġiet introdotta għall-ewwel darba aktar kmieni din is-sena u hi immirata biex tappoġġja parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-arti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kienu preżenti numru ta’ benefiċjarji, il-Ministru Herrera sostna li, “Matul ix-xahar li għadda, permezz ta’ numru ta’ entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, appoġġjajna bosta inizjattivi sabiex niżguraw li s-settur jibqa’ reżiljenti u jsaħħaħ s-sostenibbiltà tiegħu għall-futur.”

“L-edukazzjoni fl-arti hija kruċjali għall-iżvilupp aktar b’saħħtu tas-setturi kreattivi u kulturali. L-impenn tagħna jibqa’ ffukat fuq l-għoti ta’ opportunitajiet ġodda għall-artisti u l-kreattivi sabiex jimirħu u jagħmlu użu minn opportunitajiet biex jikbru u jesperjenzaw l-arti u l-kultura,” kompla l-Ministru Herrera.

It-tmien proġetti li se jitwettqu matul it-tmintax-il xahar li ġejjin intgħażlu minn bord ta’ esperti fis-settur permezz ta’ sejħa pubblika. Id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi spjegat kif il-Kunsill Malti għall-Arti rċieva 13-il applikazzjoni. Hija spjegat li, “Il-proġetti li ntagħżlu jiffukaw fuq diversi dixxiplini, minn żfin kontemporanju għal żfin klassiku, beatboxing, mużika elettronika u teatru, fost oħrajn. Il-proġetti qegħdin ukoll jintroduċu f’pajjiżna metodi ġodda ta’ tagħlim li joffri opportunita’ lill-istudenti biex jesploraw u jipprattikaw id-dixxiplina tagħhom. L-enfasi mhux biss fuq it-tagħlim, iżda anke l-esplorazzjoni li tkattar il-kreattività bħala ħila importanti għall-futur tas-settur.”

It-tieni sejħa ta’ dan il-fond, li għandha l-għan li tinvesti fl-edukazzjoni fl-arti u tkattar il-kollaborazzjonijiet transdixxiplinari, hija miftuħa sal-14 ta’ Settembru 2021. Lista sħiħa tal-proġetti magħżula tinstab fuq artscouncil.mt.

Għall-aktar dettalji dwar l-Iskemi RESTART 2021, wieħed jista’ jżur: https://www.artscouncilmalta.org/pages/funds-opportunities/restart-schemes-2021/restart-schemes-2021/. Għall-għajnuna u pariri, wieħed jista’ jibgħat email fuq fundinfo@artscouncil.mt.

Share With: