Tmien persuni tilfu ħajjithom fuq il-lant tax-xogħol fl-2020

Ritratt: Roger Azzopardi

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne llum fil-Parlament qal li matul is-sena li għaddiet, tmien persuni tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol. 

Fearne qal dan meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi dwar id-dħul u l-infiq tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finazjarja 2021. 

Huwa beda biex qal li din l-Awtorità għandha l-irwol li teduka kif ukoll l-irwol li tinforza sabiex tara li l-liġijiet li qegħdin hemm biex jipproteġu s-saħħa tal-ħaddiema jiġu mħarsa.

Fearne kompla jgħid li fl-2020, l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol wettqet madwar 5,000 spezzjoni. Dan sabiex tiżgura li l-postijiet tax-xogħol ikunu kemm jista’ jkun siguri u li l-ambjent fejn jaħdmu l-ħaddiema jkun tali li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Huwa semma kif kien hemm każi li fihom tressqu persuni l-Qorti u ngħataw anke pieni għal min ma mexiex mar-regoli.

Share With: