Tliet snin ħabs wara li tajjar u qatel ġuvni f’San Ġiljan

Ritratt: Tim Scholten

Sewwieq żagħżugħ ta’ 23 sena minn Birkirkara ntbagħat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li tajjar diversi nies f’San Ġiljan b’konsegwenza li wieħed mill-feruti miet ftit sigħat wara fl-Isptar.

Dan il-każ imur għas-6 ta’ Lulju 2018, għall-ħabta tal-4.50 a.m., fi Triq Ġorġ Borġ Olivier, San Ġiljan, meta Michael Caruana Turner kien qed isuq il-karozza ta’ missieru biex imur għand nanntu.

Huwa nstab ħati fuq seba’ akkużi ewlenin fosthom li b’mod involontarju kkaġuna l-mewt ta’ Tim Scholten u darab ħafif lil Thom Hubertina Jacobus Van Golde, Roy Leonardus Swanenberg, Ryan Knowles, Charles Clarke u Mamilianus Van Elten. Huwa nstab ħati wkoll ta’ sewqan perikoluż u eċċessiv billi kien taħt l-influwenza tax-xorb.

Fl-istqarrija tiegħu, Caruana Turner, ammetta mal-Pulizija li kien qed jixrob Paceville u meta sarlu l-ħin biex imur id-dar ħass li kien għajjien. Huwa sostna li ma tantx jiftakar minn dak li kien ġara fl-inċident tant li huwa kien f’stat ta’ konfużjoni u xokk u li meta ġie lura f’sensih irrealizza li kien ħabat bil-karozza.

Huwa wkoll wera r-rimors għal dak li ġara aktar u aktar għall-fatt li ħalla persuna mejta tant li qal li issa ma jistax jaħfer lilu nnifsu u li għalkemm ma jistax jagħti l-ħajja lura lil din il-persuna lest li jikkumpensa lill-familja tiegħu anke jekk ikollu jibqa’ jaħdem għal għomru kollu.

Intant, espert tekniku li kien imqabbad mill-Qorti saħansitra kien ikkonkluda fir-rapport tiegħu li s-sewwieq kien għaddej b’veloċità ta’ aktar minn 100 kilometru fis-siegħa. 

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Gabriella Vella ħadet inkonsiderazzjoni n-natura tal-akkużi miġjuba kontra l-imputat fosthom il-mewt ta’ Scholten u l-feriment ta’ ħamsa oħra. 

Hija kkunsidrat ukoll li l-imputat kien irriżulta pożittiv għat-test tal-breathyliser, li wara l-inċident ħarab minn fuq il-post u li meta mitkellem mill-pulizija kien tahom dettalji foloz. 

Il-Qorti kkonkludiet li minħabba sewqan negliġenti u perikoluż, Caruana Turner kien uża l-vettura daqslikieku kienet arma li tferi tweġġa’. Hija qalet ukoll li l-ħajja mhijiex irħisa, u t-tneħħija ta’ ħajja anke jekk b’mod involontarju għandha tiġi meqjusa bħala att serju ħafna u li għandha tkun penalizzata b’piena karċerarja effettiva biex issir ġustizzja partikolarment mal-persuna li tilfet ħajjitha. 

Kien għalhekk li sabet lil Caruana Turner ħati u kkundannatu tliet snin ħabs effettivi filwaqt li skwalifikatu milli jkollu liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sentejn. Huwa kien ordnatu koll iħallas is-somma ta’ €3,400 bħala spejjeż tal-Qorti. 

Share With: