Sitt xhur ħabs wara li pprova jaħrab minn ċentru ta’ detenzjoni

Raġel mill-Bangladesh li pprova jaħrab mill-kustodja tal-pulizija nhar l-Erbgħa li għadda ntbagħat sitt xhur ħabs.

Sohag Molla ta’ 20 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li pprova jaħrab miċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi, fejn kien qed jinżamm sakemm jiġi ripatrijat lejn pajjiżu. 

Waqt li kien qed jiġi skortat għal appuntament mediku, l-imputat, li kellu jdejh marbuta bil-manetti, ipprova jaħrab lill-pulizija. Huwa nstab ftit tal-ħin wara f’Ħal Luqa. 

Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u kkundannatu għal sitt xhur priġunerija. Intant, il-Qorti kienet infurmata illi meta jaslu Malta d-dokumenti kollha tal-imputat minn pajjiżu, tkun tista’ ssir titjira ta’ ripatrijazzjoni għalih.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvin Camilleri.

Share With: