Sentenza sospiża u €25,000 multa wara li żvujtat il-card ta’ anzjana

Doris Borg ta’ 60 sena li żvujtat il-card ta’ anzjana li kienet tieħu ħsieb kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultata €25,000. 

Dan il-każ imur lura għal Ottubru 2016 meta f’rapport li għamlet lill-Pulizija, l-anzjana stqarret li marret il-bank u sabet li minn xi €8,000 li kellha fil-kont ma kien fadlilha xejn. 

Stqarret ukoll li kienet issuspettat fil-care worker u fl-imputata peress li lilhom kienet tgħaddilhom il-credit card tagħha biex jiġbdulha l-flus mill-bank.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Maġistrati li kienet preseduta mill-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech mhux biss sabet lill-imputata ħatja imma wkoll ċanfritha b’mod qawwi għall-kattiverija u l-ħażen tagħħa meta taħt is-sembjanza ta’ persuna intenzjonata li tħares u tipproteġi mara anzjana li kulma kien fadlilha f’ħajjitha kienu ftit flus imġemma għall-funeral tagħha, ħaditilha kulma kellha.

Il-Qorti qieset ukoll kif l-imputata baqgħet ma wriet ebda rimors għal dak li għamlet u li lanqas ippruvat tikkumpensa lill-anzjana tul l-aħħar żmien ta’ ħajjitha.

Fl-istess deċiżjoni tagħha, il-Qorti rrakkomandat lill-banek biex min-naħa tagħhom jikkunsidraw x’miżuri jistgħu jieħdu biex persuni vulnerabbli jħaddmu flushom b’aktar sigurtà filwaqt li tibqa’ rispettata l-awtonomija tagħhom.

Share With: