“Se nestendu l-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €400,000 fuq xiri ta’ kull proprjetà” – Il-PM Abela

F’laqgħa mal-Assoċjazzjoni Żviluppaturi Maltin, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa dejjem ta’ pjaċir li jisma’ l-imsieħba soċjali, filwaqt li stqarr li l-MDA, waqt il-pandemija, kienet dejjem preżenti bi proposti kostruttivi li jtejbu l-ħidma ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.

Fiċ-ċentru ta’ negozju tal-Grupp AX, il-Prim Ministru saħaq li jekk qabel konna rridu nilħqu l-medja, issa rridu nilħqu l-eċċellenza, hekk kif ġie elenkat fit-tnedija tal-viżjoni ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin.

“Li tirrappreżentaw intom huwa settur importanti u, konsegwentement, il-kontribut li qed jagħti lill-ekonomija huwa b’saħħtu ħafna,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru rrimarka s-suċċessi li għamilna f’diversi oqsma bħas-settur tas-saħħa, l-enerġija u l-edukazzjoni fost oħrajn, filwaqt li rrimarka kemm is-settur tal-kostruzzjoni jrid ikun preparat għall-pass li jmiss.

“Nemmen li s-settur tal-ambjent u dak tal-iżvilupp jistgħu jgħixu flimkien f’sinerġija u jikkumplimentaw lil xulxin. Fil-viżjoni ekonomika dejjem rajna dan il-bilanċ bejn it-trasformazzjoni ambjentali u dak tal-iżvilupp. Dak li wasalna għalih fl-enerġija, irridu naslu għalih fil-kostruzzjoni.”

Waqt il-laqgħa, Dr Abela nnota kif il-proposti li ġew imnedija fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika ntlaqgħu bi ħġarhom u ħallew il-frott tagħhom.

“Insemmi l-proposta li neqilbu l-makkinarju tal-kostruzzjoni għal wieħed iżjed effiċjenti. Li baxxejna t-taxxa tal-boll fuq il-bejgħ u x-xiri tal-proprjetà. Tant kemm rajna suċċess f’din il-miżura li għażilna li nestenduha mill-ġdid għal dawn l-individwi li jiffurmaw konvenju sa Diċembru ta’ din is-sena u sussegwentament ikunu preżenti għal kuntratt finali sa Ġunju tal-2022.”

“Bħala gvern, irridu mmorru għall-eċċellenza… nemmen li l-awtorità l-ġdida tal-kostruzzjoni se tkun effettiva ferm sabiex ikompli jittejjeb il-livell f’dan is-settur,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti rringrazzja lill-Prim Ministru talli laqa’ l-istedina tal-Assoċjazzjoni, filwaqt li fil-bidu tal-laqgħa tkellem dwar l-importanza li l-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa tal-boll tiġi estiża.

Huwa qal li kienet din l-Assoċjazzjoni li riedet tagħti appoġġ lill-industriji tat-turiżmu fost setturi oħra matul iż-żmien tal-pandemija.

“Il-proposti li għamilna ġew milqugħin fi ftit ġimgħat u r-riżultati waslu wkoll. Dan l-istudju li qed nippreżentawlek illum jagħraf li l-bejgħ u x-xiri tal-konvenji żdied b’valur ta’ €1.4 biljun matul din l-aħħar sena,” qal Chetcuti. Żied li l-industrija tal-kostruzzjoni firxet ħafna ġid u li matul il-pandemija din l-industrija ħadmet ’il fuq minn 40,000 ruħ.

“Filwaqt li rridu naħdmu biex nindirizzaw l-isfidi ambjentali, irridu nifhmu li l-iżvilupp huwa sostenn dirett tal-ekonmija bi 11% dirett tal-valur miżjud li jista’ jikkontribwixxi biex il-gvern jgħin aktar setturi oħra,” qal Chetcuti.

Il-President tal-MDA qal li, minkejja li l-volum tal-bejgħ kien daqshekk b’saħħtu, l-inċentivi ta’ dawn il-miżuri marru fil-but tal-konsumatur, u tenna li minn studju separat tal-KPMG irriżulta li l-prezz tal-proprjetà affordabbli ma għolietx għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar seba’ snin.

“Kieku ma konniex reżiljenti u ma qlibniex l-isfidi f’opportunitajiet, bħalissa kien ikollna 40,000 ruħ fir-riskju li jitilfu xogħolhom,” tenna Chetcuti.

Preżenti kien hemm ukoll il-Ministri Aaron Farrugia, Ian Borg u Clyde Caruana flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Share With: