Se jiġi mibgħut oġġett fl-ispazju biex issir riċerka tal-istratosfera ta’ Malta u l-Mediterran

Kollaborazzjoni bejn il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Ispazju fi ħdan il-Ministeru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara Covid-19 u l-Istitut tax-Xjenzi tal-Ispazju u Astronomija fi ħdan l-Università ta’ Malta se jara oġġett jiġi mibgħut minn Malta fl-ispazju bil-għan li ssir riċerka tal-istratosfera ta’ Malta u l-Mediterran.

Bis-saħħa ta’ memorandum of understanding li ġie ffirmat illum se ssir ukoll kompetizzjoni li tinkoraġġixxi ideat b’temi dwar l-ispazju fil-kuntest ta’ start-ups.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara l-Covid-19 Owen Bonnici qal li “dan il-ftehim huwa l-ewwel pass għall-iżvilupp ta’ iktar kapital uman fis-settur tal-ispazju u għandu l-għan li jinforma lill-pubbliku dwar attivitajiet relatati mal-ispazju li kienu qed jiġru f’pajjiżna fl-aħħar snin u biex jitwieldu opportunitajiet ġodda għal iktar parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet industrijali u edukattivi.”

Għal dan il-għan il-Ministeru se jkun qed jinvesti €75,000 f’żewġ attivitajiet ewlenin li se jseħħu fix-xhur li ġejjin.

Proġett interessanti huwa dak li se jara l-ballun tal-ispazju STRATOS-1 jitlaq minn Malta.  

Dan se jibqa’ tiela’ għal iktar minn 30km fl-ispazju, traġitt li matulu se jkejjel l-atmosfera fuq il-gżejjer Maltin.  Bis-saħħa ta’ tagħmir li se jkollu installat miegħu, il-ballun se jirritorna b’ritratti mill-ajru u mill-ispazju ta’ Malta li qatt ma rajnihom qabel u se jgħin lix-xjenzati jagħmlu studji tal-istratosfera Maltija u Mediterranja.

Dan filwaqt li se tiġi ffinalizzata, sa Ottubru,  kompetizzjoni dwar kummerċjalizzazzjoni ta’ riċerka dwar l-ispazju fejn start-ups se jiġu inkoraġġiti jipproponu ideat dwar temi relatati mal-ispazju u li jkunu jistgħu jużaw fondi biex iwasslu l-ideat tagħhom lill-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju.

Il-fundatur tal-istitut, il-Professur Kristian Zarb Adami, qal li dan hu żmien eċitanti u storiku għal Malta u riżultat ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha mal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Ispazju.

“L-istitut ilu attiv fil-kamp tar-riċerka tal-ispazju għal kważi għaxar snin u ddisinja u bena strumenti għal esperimenti internazzjonali fl-ispazju. Ħdimna ħafna biex nispiraw il-ġenerazzjonijiet żgħar u ikbar biex iħarsu lejn is-smewwiet. Fl-aħħar, bis-saħħa tax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv, Malta se tingħaqad ma’ numru żgħir ta’ pajjiżi oħra li bagħtu oġġetti fl-ispazju u nawguraw li din il-kollaborazzjoni bejn l-Università u l-Ministeru tkun l-ewwel pass għal iktar ħidma fil-kamp tal-ispazju,” qal il-Professur Zarb Adami.

Il-Ministru Bonnici awgura li dawn il-proġetti jservu ta’ ispirazzjoni għal żgħażagħ li huma interessati fl-ispazju.

Huwa qal li bħala turija tal-appoġġ il-Ministeru se jkun qed jagħti iktar għal ħidma marbuta mas-settur tal-ispazju u se jkun qed jisponsorja PhD biex tiġi analizzata l-informazzjoni miġbura sabiex tiġi prodotta l-ewwel data xjentifika mill-istratosfera u anke biex isiru numru ta’ attivitajiet ta’ outreach id f’id ma’ Esplora.

Ir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred J Vella qal li hu pjaċir kbir tal-Università li għal darb’oħra taħdem id f’id mal-Ministeru fuq dan il-proġett li se jgħin lix-xjenzati Maltin jiksbu iktar għarfien fuq kif l-ispazju jimpatta l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

“Hekk kif dawk li qed jaħdmu fuq inizjattivi bħal dawn qed jippruvaw ikabbru l-konfini ta’ dak li nafu u jiksbu perspettiva usa’ ta’ kif il-pjaneta tagħna tgħix f’sistema ferm ikbar, hekk ukoll dawn l-opportunitajiet għandhom ikunu meqjusa bħala inċentivi għall-istudenti u riċerkaturi tagħna biex jesploraw kif bis-saħħa tal-abbilitajiet tagħhom u s-sostenn meħtieġ jikkontribwixxu biex insiru nafu iktar u iktar fl-oqsma fejn sal-lum ma nafux”, qal il-Professur Vella.

Share With: