Pajjiżna għandu jibqa’ strett fid-dħul tat-turisti sabiex l-ekonomija tkompli tirpilja – Il-Kamra tal-Kummerċ

Fi stqarrija maħruġa ftit sigħat wara li tħabbret id-deċiżjoni tar-Renju Unit li pajjiżna jitpoġġa fuq il-lista l-ħadra, il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet din l-istess deċiżjoni u qalet li din hija riżultat ta’ sforz kollettiv fiż-żamma relattivament baxxa tal-każi tal-COVID-19.

Dan ifisser li mill-Erbgħa 30 ta’ Ġunju dawk imlaqqmin li jivjaġġaw mir-Renju Unit se jkunu jistgħu jistgħu jżuru pajjiżna mingħajr il-bżonn li joqogħdu f’perjodu ta’ kwarantina mar-ritorn tagħhom fir-Renju Unit.

Il-Kap tal-Kamra tal-Kummerċ Alan Arrigo ddeskriva dan bħala żvilupp sinifikkanti minħabba li s-suq tat-turiżmu mill-Ingilterra huwa l-aktar b’saħħtu u din id-deċiżjoni tikkonferma l-progress li pajjiżna għamel biex jikkontrolla l-firxa tal-pandemija. Huwa żied jgħid li l-protokolli tas-saħħa jibqgħu kruċjali biex nkomplu nkunu ta’ suċċess kontra l-virus.

Fl-aħħar aġġornamenti tagħhom l-awtoritajiet fir-Renju Unit żiedu xi destinazzjonijiet oħrajn f’din il-lista, iżda kollha minbarra Malta jinsabu f’riskju li jirritornaw fil-lista l-oranġjo. Kważi l-pajjiżi l-oħrajn kollha fl-UE jibqgħu fil-lista l-oranġjo tar-Renju Unit u dan ifisser li dawn li jivjaġġaw lejn il-pajjiż ikollhom jagħmlu perjodu ta’ għaxart ijiem fi kwarantina sakemm isirulhom it-testijiet neċessarji.

Il-Kamra tal-Kummerċ għalqet tgħid li tilqa’ d-deċiżjoni li l-gvern iħalli biss jivjaġġaw lejn pajjiżna lil dawk li huma mlaqqmin u tenniet mill-ġdid li għandu jkun hemm restrizzjonijiet stretti għal dawk li jidħlu fil-pajjiż sabiex l-ekonomija tkun tista’ tkompli tirpilja b’mod sigur.

Share With: