L-uniku tifel li salva mit-traġedja tal-cable car jirritorna lura d-dar

Eitan Biran, it-tifel ta’ ħames snin u l-unika persuna li salvat mit-traġedja tal-cable car fl-Italja, dalgħodu ħareġ mill-isptar Regina Margherita f’Turin.

It-tifel kien iddaħħal l-isptar immedjatament wara l-inċident u kellu jagħmel operazzjoni twila ħames sigħat. Wara li qam mill-koma farmakoloġika, Eitan kien reġa’ beda jitkellem u rrealizza li kien jinsab ġewwa sptar. Hemmhekk huwa staqsa x’kien qiegħed jagħmel hemm u fejn kienu jinsabu l-ġenituri tiegħu.

Sfortunatament fl-inċident tilef kemm lill-ġenituri tiegħu kif ukoll lil ħuħ.

Huwa rritorna permezz ta’ ambulanza ġewwa Pavia, il-post fejn joqgħod, akkumpanjat maz-zija tiegħu li hija r-rappreżentant legali tiegħu.

Il-kundizzjonijiet ta’ Eitan tjiebu ħafna u t-triq terapewtika tiegħu se tkompli anke permezz ta’ visti fil-futur.

Kien intqal li jista’ jagħti l-każ li kienet proprju t-tgħanniqa ta’ missieru li setgħet salvatlu ħajtu.

Share With: