L-MEIA tħabbar li d-dimostrazzjoni ta’ nhar il-Ħamis ġiet sospiża

Dan sakemm isiru aktar negozjati mal-gvern

L-Assoċjazzjoni tad-Divertiment u l-Arti (MEIA) ħabbret li d-dimostrazzjoni bit-tema “Daqshekk Siekta” li kienet ippjanata biex issir nhar il-Ħamis ġiet sospiża temporanjament.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tal-midja soċjali tagħha, l-MEIA qalet: “Hekk kif inkomplu bid-diskussjonijiet kontinwi u twal tagħna mal-Awtoritajiet biex insibu l-aħjar soluzzjonijiet possibbli biex l-avvenimenti jsiru sikuri kif ukoll sostenibbli, qed nissospendu temporanjament id-dimostrazzjoni ppjanata għal dan il-Ħamis.”

Żiedet tgħid li f’każ li d-diskussjonijiet jonqsu milli jindirizzaw it-tħassib tagħhom u jekk xorta waħda jħossu li l-industrija tagħhom qed tiġi diskriminata u trattata inġustament, iħabbru data oħra għal dimostrazzjoni fil-jiem li ġejjin.

Ilbieraħ l-MEIA qalet li saret laqgħa mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru tal-Kultura José Herrera u l-Profs Charmaine Gauci. L-MEIA qalet li jkun prematur li tħabbar ir-riżultat finali tad-diskussjonijiet li saru peress li qed jistennew aktar feedback.

Share With: