Juża l-isport li jħobb biex jagħmel differenza

Jitkellem dwar l-importanza tas-saħħa fiżika u mentali fi sfidi twal bħal dawn

Miktub minn Maria Azzopardi 

L-atleta Jake Vella m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Jake, li għandu 12-il sena,  huwa l-eżempju perfett ta’ xi jfisser meta persuna ma taqtax qalbha. Proprju din hija t-tagħlima li qed jagħtina Jake hekk kif minkejja l-kundizzjoni tiegħu, ma jaqtax qalbu u jkompli jistinka fl-isport b’mod speċjali fl-għawm. Jake ma jagħmilx dan b’kapriċċ iżda bil-għan li jagħmel differenza.

F’dawn l-aħħar jiem Jake beda sfida ġdida hekk kif b’kollox mistenni jgħum 100 km f’pixxina b’tul ta’ 25 metru għal kawża importanti. Huwa mhux biss se jkun qed jgħin lill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati (AAA) iżda matulha qed iqajjem kuxjenza dwar l-użu tal-plastik fid-dinja bħala parti mill-kampanja ‘Wave of Change’.

Huwa rrakkonta li qed jagħmel din l-isfida wara li l-ħabib tiegħu Neil Agius, li wkoll huwa għawwiem, wettaq sfida oħra impressjonanti – dik li jgħum minn Sqallija sa Malta. Wara li ra dan, Jake ddeċieda li jagħmel sfida huwa wkoll. Fil-fatt, f’din l-isfida Jake wkoll qed jgħum id-distanza bejn Sqallija u Malta (ta’ madwar 100km) li iżda qed jagħmilha billi jqassam numru ta’ kilometri fi ġranet differenti.

Ma’ dan is-sit, Jake ammetta li 100 km mhumiex faċli u għalhekk sostna li fi sfidi twal bħal dawn importanti li dak li jkun ikollu saħħa fiżika kif ukoll dik mentali b’saħħithom.

“Jiena għażilt biex ngħin lill-AAA għax hija Assoċjazzjoni li għandha bżonn ħafna għajnuna. Fl-istess waqt  għażilt il-kampanja ‘Wave of Change’ biex inkun nista’ nqajjem aktar għarfien dwar l-użu tal-plastik,” qal Jake.

Huwa rringrazzja lil kowċis tiegħu Ebi Ebidanaid, Gianluca Tanti u Fabio Spiteri kif ukoll lill-isponsors kollha tiegħu li qed jgħinuh u jagħtuh is-sapport tant meħtieġ.

Fl-aħħar sigħat mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela żaret lil Jake waqt li kien qed jagħmel din l-isfida. Dr Abela qalet li l-kuraġġ u l-pożittività tiegħu huma ta’ ispirazzjoni. Hija qalet li tammira l-kuraġġ ta’ Jake li bis-sapport tal-ġenituri tiegħu qiegħed jegħleb kull sfida u juża l-isport li jħobb biex jagħmel differenza.

Kull min jixtieq jgħin lil Jake fl-inizjattiva tiegħu, jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu permezz ta’ SMS: 50617350 – €2.33; 50618060 – €4.66; 50618910 – €6.99; 50619200 – €11.66; permezz ta’ Paypal fuq info@aaamalta.com jew BOV mobile: 79730291.

Share With: