Jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-Ġnien Re Ġorġ V fil-Furjana

Ritratti: Alan Saliba

Ġnien ir-Re Ġorġ V fil-Furjana, li għandu veduti spettakolari tal-Port il-Kbir, għadda minn xogħlijiet ta’ tisbiħ li wasslu biex dan il-post ikun isbaħ, aktar sigur u aktar aċċessibbli.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, hekk kif spjega li x-xogħlijiet li saru mill-Kunsill Lokali tal-Furjana kienu ffinanzjati permezz tad-Development Planning Fund (DPF) tal-Awtorità tal-Ippjanar, b’investiment ekwivalenti  għal €400,000.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Kumitat tad-Development Planning Fund il-Perit Vincent Cassar u s-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili.

Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ tagħmir għal open gym, kameras tas-sigurtà u sistema ta’ irrigazzjoni. Ġie installat ukoll tagħmir għal-logħob u pavimentar ġdid u aktar sigur, filwaqt li l-faċilitajiet sanitarji fil-ġnien inbidlu kompletament. Saret ukoll manutenzjoni fuq l-arbli tad-dawl li jinsabu fil-ġnien, filwaqt li s-sistemi tal-elettriku u tal-cables ġiet aġġornata għal sigurtà aħjar. It-turf tal-grawnd tal-futbol u l-fencing tal-perimetru se jiġu mibdula fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru qal li permezz ta’ dan il-fond qed jiġu appoġġjati proġetti immirati biex itejbu l-benesseri, l-ambjent, u d-dimensjoni soċjali tal-ibliet u l-irħula tagħna. “Id-DPF jipprovdi lill-kunsilli lokali, NGOs, u oħrajn bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex ikunu proattivi u jwettqu proġetti li jtejbu l-ambjent urban tagħna. Dan jgħin sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħna, u jkompli jgħin lil dawk li għandhom l-istess viżjoni tagħna favur aktar ippjanar intelliġenti, ” tenna l-Ministru.

Il-Perit Vincent Cassar, Chairperson tad-Development Planning Fund, irrimarka li, “Il-ġonna pubbliċi dejjem servew funzjoni importanti għas-saħħa pubblika fl-ibliet – tawna spazju biex nagħmlu l-eżerċizzju fiżiku, aċċess aktar faċli għan-natura, u nrawmu s-saħħa fiżika u mentali tagħna. Dawn il-funzjonijiet saru aktar importanti matul is-sena li għaddiet billi dawn l-ispazji bdew iservu sabiex jagħtu semblanza ta’ ‘normalità’.” Il-Perit Cassar ikkonkluda billi qal li, “Nħeġġu lill-kunsilli lokali biex ikunu aktar kreattivi u innovattivi dwar kif u fejn jintroduċu aktar spazji miftuħa fil-lokalità tagħhom. Ir-roof garden inawgurat reċentement fuq il-binja ewlenija tal-Valletta Design Cluster għandha sservi bħala każ ta’ studju biex jinbdew proġetti ta’ ġnien pubbliċi simili fiż-żoni urbani densament popolati tagħna.”

Dan il-ġnien jinsab fuq is-swar tal-Furjana, u ġie inawgurat fl-1936 mir-Re Ġorġ V innifsu. Oriġinarjament, il-ġonna kienu parti mill-isptar Re Ġorġ V iżda wara saru aċċessibbli għall-pubbliku. Id-daħla għall-ġonna hija kkaratterizzata minn arkata mżejna bl-emblema tal-monarkija Ingliża fuq il-quċċata tal-arkata.

Fl-1951, inbniet clubhouse fil-ġnien biex isservi bħala l-kwartieri ġenerali tal-Malta Playing Fields Association. L-ewwel Playing Field f’Malta ġie installat propju f’dan l-istess ġnien.

Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-Floriana Davina Sammut Hili qalet li l-Kunsill Lokali tal-Furjana, wara ħidma ta’ iktar minn sena, qed irodd lura lill-komunità ċentru rikreattiv għall-familja kompletament mgħammar mill-ġdid. “Fost ix-xogħlijiet li saru fiċ-Ċentru Rikreattiv Re Ġorġ V, insibu bandli aktar moderni, b’uħud minnhom aċċessibbli għal kulħadd, gym fil-beraħ, latrina pubblika ġdida, iktar aċċessibbiltà permezz ta’ rampi, sistema ġdida ta’ dawl, kif ukoll 14-il kamera tas-sigurtà mifruxa mal-ġnien kollu sabiex ikun aktar mgħasses u sigur għal kulħadd. Is-sigurtà u t-trażżin tal-vandaliżmu kienu lok ta’ tħassib u prijorità għall-kunsill kif ukoll għall-komunità. Il-kunsill iħabbar ukoll li f’Ottubru li ġej se jibda x-xogħol fuq il-bdil tal-pitch sintetiku f’wieħed mill-grawnds tal-futbol li hawn f’dan il-ġnien.”

Share With: