“Jekk il-kriminalizzazzjoni taqta’ qalb li ssir azzjoni, id-dekriminalizzazzjoni tippromwoviha”

Ftit tal-jiem ilu, il-grupp ġdid ta żgħażagħ “I See Life”, ippubblika fuq il-mezzi soċjali riċerka li tara kif Malta titqabbel mar-rata tal-abort fl-Unjoni Ewropeja u l-Istati Uniti. Dan is-sit tkellem ma’ Christian Briffa, bħala r-rappreżentant li nieda din ir-riċerka. 

L-istħarriġ juri li jsiru madwar 2.5 aborti għal kull elf mara ta’ età riproduttiva. Din ir-rata nstabet billi ntużat il-figura ta’ 300 abort fis-sena, u tqablet man-numru ta’ nisa ta’ età riproduttiva f’Malta maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Briffa qal li għalkemm il-grupp jemmen li n-numru tal-aborti li jsiru mill-popolazzjoni Maltija huwa inqas minn 300, inħass li għandha tintuża din ir-referenza propju għax tissemma minn entitajiet li jippromwovu l-abort. 

Briffa żied jgħid li minn stħarriġ li sar mill-“International Journal of Obstetrics and Gynaecology”, instab li l-medja Ewropea kienet ta’ 10 aborti kull elf mara ta’ età riproduttiva, waqt li l-medja fl-Istati Uniti fl-2018 kienet 11.3 aborti kull elf mara ta’ età riproduttiva, skont rapport maħruġ miċ-“ċentru għal kontroll tal-mard u prevenzjoni” (CDC).

Briffa qal li għalkemm is-sorsi użati huma minn entitajiet li jipromovu l-abort, jirriżulta li xorta waħda r-rata tal-abort f’Malta hija erbgħa darbiet anqas mill-medja Ewropea. “Dan jimplika li l-liġi preżenti sservi ta’ deterrent għan-numru ta’ aborti li jitwettqu. Min-naħa l-oħra, nisa f’Malta huma mogħtija l-opportunità li jsibu u jingħataw l-attenzjoni u l-għajnuna meħtieġa, ghalihom kif ukoll għat-tarbi tagħhom f’dawn il-perjodi li jistaw ikunu ta’ kriżi. Il-grupp “I See Life” lest biex ikompli il-ħidma tiegħu u jkun ta’ inspirazzjoni u għajnuna għal ħaddieħor,” temm jgħid Briffa. Huma qalu li jekk il-kriminalizzazzjoni taqta’ qalb li ssir azzjoni, id-dekriminalizzazzjoni tippromwoviha.

Share With: