Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar iħabbar opportunità oħra għall-artisti

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech għadu kemm ħabbar opportunità sabiħa għall-artisti. Qal li matul dawn l-aħħar sentejn, raw li l-Kunsill Lokali ħadem biex jibdew jinkudu proġetti artistiċi f’Ħaż-Żabbar.

Żied jgħid li bħalma saru l-murali fi Ġnien il-Kunsill, issa qegħdin jagħtu opportunità oħra lill-artisti biex jissottomettu l-ideat għall-installazzjonijiet artistiċi, b’temi marbuta ma’ Ħaż-Żabbar.

It-tema magħżula għandha tirrappreżenta aspetti reliġjużi, soċjali, festivi jew letterarji, iżda mhux personaġġi. L-iskulturi għandhom jinkludu l-emblema tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar u jkunu sinonimi mal-lokalità.

Elementi artistiċi moderni u kkuluriti se jiġu vantaġġjati.

L-artist magħżul se jingħata €1,000 għal kull struttura artistika. Dwar l-istallazzjoni ġie spjegat li l-artist magħżul se jkun ukoll responsabbli għall-installazzjoni tal-istruttura, li għandha titlesta sa Ottubru 2021.

Artisti minn 16-il sena ‘l fuq jistgħu japplikaw u l-applikanti jrid ikollhom fil-pussess tagħhom ktieb tal-VAT.

Is-sottomissjonijiet għandhom isiru sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju f’12.00p.m.

Share With: