Inawgurat l-investiment fiċ-Ċentru Ċiviku tar-Rabat

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar iċ-Ċentru Ċiviku tar-Rabat fejn inawgura investiment ta’ madwar €60,000 fuq iċ-ċentru b’xogħlijiet imwettqa mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Il-Ministru Ian Borg faħħar il-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u qal kemm hu importanti li jkollna spazji ta’ kwalità għolja fejn il-komunitajiet ikunu jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

“Tajjeb li nfakkru li f’post bħal dan jingħataw servizzi importanti għas-saħħa u għalhekk huwa essenzjali li jkollna binja adegwata sabiex dawn is-servizzi jingħataw fl-aqwa kundizzjonijiet. Bħala gvern, ninsabu kommessi li nibqgħu naħdmu u nwettqu aktar xogħlijiet u proġetti bħal dawn sabiex naraw li kull sfera fis-soċjetà, mill-kbir saż-żgħir, tibbenefika minn kwalità tal-ħajja aħjar.”

Ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett kienu jinkludu xogħol ta’ tibjid fil-common area, l-entratura tal-librerija u fit-tliet sulari tal-binja, inżebgħu l-poġġaman tat-taraġ, il-bibien ta’ ġewwa u ta’ barra u l-bibien tal-librerija, tqiegħed membrane fuq il-parti tal-lift u ġie applikat liquid membrane fuq is-saqaf kollu.

Apparti hekk, tneħħewwires minn mal-ħitan, inbidlu lampi qodma u dwal li ma jaħdmux ma’ oħrajn tat-tip LED għal aktar effiċjenza, u ġie insallat sensor f’kull sular quddiem il-bieb tal-lift biex jinxtegħel id-dawl. Bħala parti mill-proġett, ġie installat ukoll lift.

Share With: