Il-Prim Ministru jinawgura l-investiment il-ġdid fil-kumpless Bay Street

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo, żaru l-kumpless ta’ Bay Street wara proġett ta’ mmodernizzar li sar matul dawn l aħħar 15-il xahar u li se joffri 28 stabbiliment tan-negozju ġdid. 

“Meta ftit tal-jiem ilu preżentajt l-istrateġija ekonomika tal-pajjiż għall-għaxar snin li ġejjin, spjegajt  kif wara snin fejn ħdimna biex nilħqu l-medja, issa rridu mmorru għall-eċċellenza”, qal il-Prim  Ministru filwaqt li seta’ jsegwi mill-qrib kif dan il-kumpless trasforma ruħu wara 20 sena mill-ftuħ  uffiċjali tiegħu f’pajjiżna. 

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab imħeġġeġ mill-kuraġġ li qed jagħti s settur privat u li ma jaqta’ qalbu qatt. “Investituri bħalkom li tibdlu l-ħolm f’realtà. Għax nies bieżla  u ambizzjużi. B’hekk b’dak li qed ninawguraw illum għandna eżempju ċar ta’ għaliex għandna nkunu  tant ottimisti dwar il-ġejjieni.”  

Il-Prim Ministru nnota kif permezz tal-wage supplement, pakketti finanzjarji li jolqtu s-settur turistiku  u l-iskema tal-vawċers, servew bħala spalla għan-negozji biex qatt ma tħallew waħedhom.  

“Meta fil-bidu tal-2020 pajjiżna, bħal kumplament tad-dinja beda jiffaċċja pandemija, forsi kien  hemm min beża’ li f’kumpless bħal dan se nkunu qed nitkellmu fuq kemm ħwienet se jniżżlu x’shutter darba għal dejjem. F’dan il-każ min niżżel ix-shutter għamel dan għal ftit ġimgħat biex jinvesti  u minflok illum qegħdin hawn ninawguraw investiment ġdid”, temm jgħid Dr Abela.  

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo  tkellem dwar kif dan l-investiment huwa prova ċara ta’ kemm minkejja ż-żminijiet ta’ sfida li  għaddejjin minnhom, is-settur tal-ospitalità baqa’ reżiljenti u kompla jinvesti biex il-prodott turistiku  dejjem ikun aħjar. 

“Dan il-proġett jimxi id f’id mal-viżjoni tal-gvern li Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza turistika. Biex  naslu għal din il-mira ambizzjuza, il-gvern u s-settur privat iridu jkomplu jaħdmu flimkien biex l esperjenza turistika tkun waħda pożittiva”, qal il-Ministru Clayton Bartolo. 

Il-Kap Eżeuttiv tal-Grupp Bay Street, Albert Galea, qal li dan l-investiment ta’ mmodernizzar sar  konġunt bejn l-istabbilimenti u kif ukoll mill-grupp innifsu.

Share With: