Il-pressjoni għall-armonizzazzjoni tat-taxxi… imbuttata bidla fl-isem?

Miktub minn Victor Vella

Il-pressjoni marbuta mal-armonizazzjoni tat-taxxi fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hu qasam li minn żmien għal żmien ikun diskuss. Diversi pajjiżi ilhom jagħmlu pressjoni biex ikun hemm armonizazzjoni tat-taxxi, u b’hekk it-tassazzjoni bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea ma jibqgħux ivarjaw. Issa jidher li hemm tentattivi ġodda, b’sorsi qrib it-tassazzjoni f’Malta jisħqu li hemm ħidma biex ikun hemm dak li qed jissejjaħ ‘bilanċ bejn is-suq ħieles u s-sovranità   tal-pajjiżi fit-tassazzjoni”. L-istess sorsi qalulna li Malta dejjem sostniet li ma taqbilx ma’ dan minħabba li dan jaffettwa b’mod negattiv diversi oqsma f’pajjiżna, li investew hawn minħabba sistemi ta’ tassazzjoni inqas restrittivi. Filfatt l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni hi ta’ theddida għall-kompetittività tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Unjoni Ewropea. Il-kontroll tal-politika tat-tassazzjoni tal-istati membri hija l-unika għodda li fadlilhom il-pajjiżi fuq il-periferija tal-Ewropea biex jibqgħu flessibbli għal skopijiet kummerċjali. Malta dejjem saħqet li m’għandhiex titkisser is-sovranità tal-istati membri tal-UE fuq is-sistemi tat-taxxi tagħhom.

Sorsi qrib is-settur tat-tassazzjoni, esprimew it-tħassib ma’ dan is-sit u dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat jidher li bdew tentattivi biex il-kwistjoni tat-taxxi ma tibqax tiġi riferuta bħala ‘armonizazzjoni tat-taxxi’ u dan minħabba li dan qed iġib reazzjonijiet negattivi. L-istess sorsi qalulna li issa qed isir diskors biex ikun hemm dik li qed tissejjaħ ‘implimentazzjoni uniformi tat-tassazzjoni’. L-istes sorsi spjegaw li dan mhux xejn għajr bidla fl-isem imma is-sustanza se tibqa’ l-istess.  L-istess sorsi li tkellmu magħna saħqu li “l-politika tat-tassazzjoni tal-pajjiżi ż-żgħar hija l-unika għodda li fadlilhom l-istess pajjiżi biex iżommu l-flessibilità għal skopijiet kummerċjali. Ma ninsewx li l-pajjiżi diġà ġew affettwati negattivament  għax ċedew il-protezzjoni tad-dwana, il-flessibilità tal-baġit pubbliku, u l-politika tal-għajnuna tal-istat fost oħrajn.  Issa li jkun hemm implimentazzjoni uniformi  fuq dħul u profitti, għal pajjiż żgħir bħal tagħna dan mhux xejn għajr theddida oħra għall-kompetittività tagħna”, stqarrew l-istess sorsi.

L-istess sorsi rrimarkaw kif il-pjani li hemm għaddejjin u li issa qed jissemmew b’mod differenti,  issemmew b’mod indiret mill-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija, Paolo Gentiloni.  Spjegaw li f’attivià li kien fiha, hu tkellem dwar it-tassazzjoni ma’ udjenza Irlandiża, liema attività kienet organizzata minn Think Tank Irlandiż. 

Waqt li tkellem fuq il-bżonn ta’ ħaddiema aktar imħarrġin u edukati,  u aktar ambjent aħjar għan-negozju, hu irrefera dwar it-tassazzjoni u qal li hemm għadd ta’ ‘toqob’ u ‘diskrepanzi’ bejn diversi sistemi ta’ tassazzjoni f’pajjiżi diversi tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea.  Iddikjara li dan qed iwassal għal  ippjanar aggressiv tat-taxxa waqt li kkritika l-fatt li hemm differenzi fis-sistemi ta’ taxxi nazzjonali.  Fi kliemu stess dawn id-differenzi kienu qegħdin jagħmlu ħsara lis-suq intern u anke kienet qed joħoqu barrieri għal kummerċ bejn il-pajjiżi. 

L-istess sorsi qalulna li “l-Kummisarju Ewropew tkellem  biex dan jibda jiġi indirizzat. Il-loġika wara diskors similli tgħidlek li l-uniku mod kif tista’ tnaqqas id-differenzi bejn is-sistemi ta’ taxxa nazzjonali bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea hu billi dawn is-sistemi tagħmilhom simili. Fi kliem ieħor armonizazzjoni tat-taxxi.”

L-istess sorsi spjegaw li “hu inkwetanti li smajna lill-Kummissarju Ewropew jitkellem fuq proposti ta’ regolamenti ġodda marbutin mat-tassazzjoni u li l-ħsieb hu li joħorġu f’forma ta’ direttivi li l-għan tagħh hu li tiżgura li jkun hemm ‘implimentazzjoni uniformi’.  Dan mhu xejn għajr bidla fl-isem. Veru li kien konfrontat fuq dan fl-istess laqgħa  u hu ċaħad li kien qed isejjaħ għal xi forma ta’ armonizazzjoni tat-taxxa.  Hu rrikonoxxa li sa issa it-tassazzjoni għadha meqjusa bħala kompetenza nazzjonali, jiġifieri materja li jiddeċiedi fuqha il-pajjiż u mhux l-Unjoni Ewropea. Hu irrefera għal proposti li qed jitħejjew bħala ‘bilanċ’ bejn is-suq ħieles u s-sovranità tat-tassazzjoni.

Share With: