Il-PL jgħid li l-PN ma jiħux gost bil-progress

Il-Partit Laburista qal li kuntrarju għal dak li qal il-Partit Nazzjonalista, l-ordni tal-ġurnata fejn tidħol l-infrastruttura huma proġetti ġodda li minnhom igawdi ċ-ċittadin.

Fi stqarrija, il-PL qal li qed jidher dejjem iktar ċar li l-Partit Nazzjonalista mhux qed jogħġbu r-ritmu ta’ xogħol infrastrutturali li nqabad f’pajjiżna. Qalu li dan għax il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech baqa’ ma jiħux gost bil-ġid.

“L-ambizzjoni, l-għaqal u l-perseveranza ta’ dan il-Gvern wasslet biex illum tlestiet il-Marsa Junction li huwa l-akbar proġett infrastrutturali ta’ pajjiżna b’€70 miljun, saru ‘l fuq minn 500 triq residenzjali u rurali, sar €20 miljun investiment fil-mini l-ġodda ta’ Santa Luċija u għaddej €55 miljun investiment fil-proġett tas-Central Link. Dawn kollha proġetti li jikkumplimentaw katina ta’ proġetti infrastrutturali oħra u li qed jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies,” qal il-PL.

Temm jgħid li  Gvern Laburista qed jibqa’ juri li anke fl-infrastruttura jżomm il-wegħdi tiegħu u għalhekk kredibbli. Żiedu jgħidu li minn naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista għandu problemi kbar ta’ kredibbiltà għax meta wiegħed ma wettaqx u llum għadu juri b’mod ċar li m’għandux pjan.

Share With: