Il-Papa ma jitlobx maħfra għall-imwiet tat-tfal fi djar residenzjali fil-Kanada

215-il tifel u tifla fost il-vittmi ta’ ġenoċidju kulturali

Minn Carmen Cachia

Il-mexxej tal-Knisja Kattolika esprima sogħba għall-aħbar tas-sejba ta’ fdalijiet ta’ 215 studenti indiġeni iżda, naqas milli jitlob b’mod uffiċjali maħfra li tant ilha mitluba minn dawk it-tfal li rnexxielhom jibqgħu ħajjin. Dan il-ġenoċidju kulturali seħħ fost studenti żgħar li kienu mġiegħla jattendu l-iskejjel tal-Knisja lura fis-seklu 19.

Esperti mill-Ġnus Magħquda min-naħa tagħom insistew li kemm Ottawa, kif ukoll il-Vatikan għandhom jagħmlu investigazzjonijiet fuq din is-sejba xokkanti ta’ fdalijiet ta’ tfal indiġeni fl-iskola residenzjali għall-Indjani Kamloops.

Il-Papa Franġisku fil-messaġġ tas-soltu li jagħmel ta’ kull nhar ta’ Ħadd qal li, “qiegħed insegwi b’sogħba l-aħbar mill-Kanada dwar is-sejba kerha tal-fdalijiet ta’ 215 tifel u tifla. Ningħaqad mal-isqfijiet Kanadiżi u l-Knisja Kattolika kollha fil-Kanada u ngħidilhom li jien viċin tal-poplu trawmatizzat Kanadiż li ħa din l-aħbar tant xokkanti”.

Aktar minn 150,000 First Nation, Mètis u tfal Inuit kienu mġiegħla jattendu f’madwar 130 skejjel residenzjali fil-Kanada bejn is-snin 1870s u l-1990s. Dan kien parti minn kampanja biex jintegraw lil dawn it-tfal indiġeni fis-soċjetà Kanadiża.

F’dawn l-iskejjel kienu jseħħu ħafna abbuż fiżiċi, mentali u sesswali fuq l-istudenti li, fost ksur tad-drittijiet tagħhom, kienu jiġu msawwta talli kienu jitkellmu bil-lingwa omm tagħhom.

Is-sejba ta’ dawn il-fdalijiet umani saret ix-xahar li għadda permezz ta’ apparat sofistikat (radar) fl-iskola residenzjali għal tfal Indjani Kamloops fil-British Columbia. Din l-iskola kienet l-akbar faċilità ta’ dan it-tip fil-Kanada b’500 studenti jattendu fiha. Din kienet immexxija mill-Knisja Kattolika bejn l-1890 u l-1969. Wara l-gvern ħa t-tmexxija ta’ din l-iskola sakemm fl-1978 ingħalqet.

Il-Prim Ministru Kanadiż Trudeau ċanfar lill-Knisja Kattolika talli “baqgħet siekta” u li “ma għamlet xejn” fir-rigward. Huwa talab apoloġija pubblika u biex il-Knisja tagħmel emendi fir-rwol prominenti tagħha fis-sistema tal-iskejjel residenzjali.

“Għadna qegħdin nesperjenza reżistenza mill-Knisja, possibbilment mill-Knisja fil-Kanada,” qal Trudeau. Fl-2017 huwa kien għamel talba formali biex issir apoloġija uffiċjali mill-Papa. Min-naħa tagħha l-kap tal-Tk’emluyps et Secwepemc First Nation in British Columbia, Rosanne Casimir – il-persuna li sabet il-fdalijiet tal-istudenti wara snin ta’ investigazzjonijiet – qalet li n-nazzjon tagħha stess irid li jkun hemm apoloġija uffiċjali mill-Knisja Kattolika.

Barra minnhekk hija qalet li l-Missionary Oblates of Mary Immaculate, li kienet tmexxi kważi nofs l-iskejjel residenzjali fil-Kanada, għadha ma tatx dokumentazzjoni dwar l-iskola Kamloops. 

Fost il-ħafna rakkomandazzjonijiet li kienet għamlet Kummissjoni Governattiva għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni fl-2015, kien hemm proprju dik li ssir apoloġija mill-Papa. 

Ta’ min wieħed isemmi li analiżi mmexxija miċ-Ċentru Nazzjonali ta’ din l-istess Kummissjoni li jirreġistra mwiet ikkonfermati, tindika li mill-inqas 3,213 mwiet seħħu fost it-tfal indiġeni f’150 skola mifruxa mal-Kanada kollha.

Share With: