Il-Papa jgħid li ż-żjara tiegħu f’Malta tinsab fuq l-aġenda

Il-Papa Franġisku kkonferma li ż-żjara tiegħu f’Malta tinsab fuq l-aġenda wara li ż-żjara li kellha ssir f’Mejju tas-sena l-oħra ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Huwa qal dan hekk kif iltaqa’ mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, Frank Zammit.

Filmat imxandar minn midja internazzjonali juri li hekk kif il-Ministru Bartolo jgħidlu li l-poplu Malti qed jistenna bil-ħerqa ż-żjara tiegħu, minnufih il-Papa jwieġeb “tinsab fuq l-aġenda.”

Il-Ministru ta wkoll ktieb lill-Papa dwar l-attrazzjonijiet reliġjużi ewlenin ta’ Malta. Matul il-laqgħa, il-Papa ma żammx lura milli jiċċajta ftit u staqsa jekk f’Malta hawnx sriep.

F’intervista ma’ Rome Reports, il-Ministru Bartolo kellu l-opportunità biex jiddeskrivi t-tradizzjoni Nisranija rikka ta’ Malta, li bdiet meta San Pawl ġab il-Kristjaneżmu fil-gżira.

Il-Ministru qal li jittama li l-Papa Franġisku jkun fost il-viżitaturi biex igawdu l-ġid kulturali u storiku tal-gżira tagħna.

Share With: