Il-gvern fl-Afrika t’Isfel għadu ma vverifikax il-wild t’għaxart itrabi f’daqqa

Il-gvern fl-Afrika t’Isfel qiegħed jgħid li s’issa ma rnexxilux jivverifika rapporti fil-midja b’rabta mat-twelid ta’ għaxart itrabi f’salt.

Waħda mill-kelliema tiegħu qalet li jeħtieġ li bħala gvern jingħataw prova li tivverifika dak li qiegħed ikun irrapurtat. Phumla Williams ikkonfermat li l-gvern nnota l-fatt li rapporti fil-midja qed jallegaw dwar dan il-wild u li jekk huwa bbażat fuq informazzjoni veritiera dan ikun ifisser li jkun inkiser ir-rekord tat-trabi li jkunu twieldu f’wild wieħed.

Gosiame Thamara Sithole, mara mill-Afrika t’Isfel kienet irrapurtata li kisret ir-rekord dinji wara li welldet għaxart itfal f’okkażjoni estremament rari. Dan jiġi ftit ġimgħat wara li mara Afrikana oħra, Halima Cissé mill-Mali welldet disat itfal fil-Marokk.

Gosiame, li għandha 37 sena, welldet l-għaxart itfal fi sptar fi Pretoria lbieraħ filgħaxija. Jirriżulta li minn scans li saru qabel, kienu raw li kienet qed tistenna żewġ trabi inqas milli fil-fatt welldet.

Żewġha, Teboho Tsotetsi, qal li hija welldet seba’ subien u tliet ibniet permezz ta’ ċesarja.

Il-mara, li għandha tewmin ta’ sitt snin, kienet qalet lill-midja internazzjonali li t-tqala tagħha kienet naturali peress li ma kinitx fuq trattament tal-fertilità.

Share With: