Il-Europol aċċessaw il-mobile ta’ Fenech ftit ġimgħat wara li kien arrestat

Il-Europol kellha aċċess għall-mobile ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, f’Jannar tal-2020, jiġifieri ftit ġimgħat wara li kien arrestat.

Dan ħareġ mill-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Fenech li tkompliet dalgħodu fejn xehdu żewġ uffiċjali tal-Pulizija u esperta tal-Europol.

Fil-kontro eżami tal-esperta mill-Europol Yulia Toma, l-Avukat Charles Mercieca staqsieha dwar l-estrazzjoni parzjali li sar mill-mobile. Mistoqsija dwar l-importanza li ssir dik li tissejjaħ forensic image tal-mobile, hija bdiet billi tispjega li din hija kopja, byte by byte, tal-apparat. Qalet li kif din tiġi estratta, dak li jkun jista’ jaħdem fuq il-‘forensic image’ u mhux fuq l-apparat, f’dan il-każ il-mobile.

Fil-kontro eżami, l-Avukat Mercieca staqsa dwar il-kundizzjoni tal-mobile u meta wasal f’idejha. L-esperta tal-Europol wieġbet li kien wasal għandha mobile tad-ditta iPhone Max li kien fih SIM card, kien fuq flight mode u kien f’kundizzjoni tajba. Spjegat ukoll li l-ewwel mobile kien illokjat imma mhux mitfi filwaqt li t-tieni mobile kien issiġġillat u fuq flight mode. Il-mobiles kienu f’borża li jinżammu l-oġġetti ta’ evidenza.

Mistoqsija kif ġabet l-informazzjoni li wieħed mill-mobiles kien ta’ negozjant filwaqt li l-ieħor kien tal-kaptan, hija wieġbet li ma tiftakarx.

L-Avukat Mercieca staqsa x’ġara wara li finalment f’Jannar tal-2020 kienet irnexxielha tiftaħ u taċċessa l-mobile. Thoma qalet li ħadmet fuq l-estrazzjoni kollha tad-data mill-mobile.

Il-kawża tkompli nhar is-27 ta’ Lulju fl-10.30 a.m.

Share With: