Il-BOV iniedi pakkett ta’ prodotti u servizzi finanzjarji għall-Gradwati

Il-ħajja ta’ wara l-kulleġġ jew l-università tiftaħ il-bieb għal vjaġġ eċċitanti, kemm jekk ser tibda karriera ġdida, tiftaħ negozju jew tipprattika professjoni, tibni familja, tkompli l-istudji jew tinvesti għall-futur. Ikunu xi jkunu l-pjanijiet jew ħolmiet tiegħek, il-mod kif inti tieħu ħsieb il-finanzi, jieħu xejra aktar importanti wara li tiggradwa.

Il-ġenerazzjoni żagħżugħa trid servizzi bankarji li huma sempliċi u konvenjenti.  Għaldaqstant il-Bank of Valletta nieda pakkett ġdid, imfassal speċifikament għal dawk l-istudenti li f’dawn l-aħħar ħames snin iggradwaw f’livell MQF 5 jew ogħla. Il-BOV Club Graduate Package jinkludi varjetà ta’ prodotti u servizzi finanzjarji li l-mira tagħhom hija biex jgħinu lill-gradwati jilħqu l-għanijiet personali jew tan-negozju tagħhom b’inqas spejjeż.

“Ridna niżguraw li wara li l-istudenti jiggradwaw, nibqgħu qrib tagħhom biex inkunu nistgħu ngħinuhom isegwu l-ħolm tagħhom,” qal Geoffrey Ghigo, Kap tar-Retail Network tal-Bank of Valletta.  “Irridu ngħinu lill-gradwati jmexxu l-finanzi tagħhom hekk kif jagħmlu l-qabża għall-ħajja professjonali. Meta l-istudenti jispiċċaw mill-kulleġġ jew l-università, il-flus jafu jkunu limitati, u għaldaqstant fassalna l-BOV Club Graduate Package biex jinkludi skontijiet fuq prodotti u servizzi tagħna. Dan għax nafu li f’dan l-istadju tal-ħajja, kull naqra li wieħed jiffranka taf tagħmel differenza.”

Il-BOV Club Graduate Package jinkludi dak kollu li wieħed jeħtieġ fejn jidħlu l-finanzi sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu f’ ħajtu – kemm jekk huma kontijiet personali u tan-negozju; credit cards; self personali, għad-dar, għan-negozju jew biex jitkompla l-istudju; pjanijiet ta’ investiment; u servizzi diġitali oħra bħall-BOV Internet Banking u l-BOV Mobile.

Jekk inti ggradwajt f’dawn l-aħħar 5 snin, għandek inqas minn 35 sena u tixtieq servizzi bankarji u finanzjarji b’inqas spejjeż, sempliċement agħmel kuntatt ma’ fergħa tal-BOV billi timla’ dil-formola onlajn fuq https://www.bov.com/Assistants/bov-club-graduate-package.

Iktar informazzjoni tinsab fuq https://www.bov.com/content/bov-graduate-package.

Share With: