Football tan-Nisa: Malta megħluba mill-Montenegro

Minn Cristian Muscat  –  ritratt: Domnic Borg

Malta……………….1

Montenegro …….2

F’partita ta’ ħbiberija li  ntlagħbet fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali, it-team tan-nisa tal-Montenengro għeleb lil dak ta’  Malta bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals kollha jaslu fl-ewwel taqsima.

Iż-żewġ timijiet se jkunu qed jerġgħu jiltaqgħu nhar il-Ħadd li ġej fl-istess sta­dium f’partita li wkoll tibda fis-6.30 pm.

Kollox ma’ kollox il-Maltin kellhom wirja diżappuntanti fejn naqsu milli jkunu inciżivi u ftit li xejn impenjaw lid-difiża avversarja, anzi l-uniku goal tagħhom minn Shona Zammit kien l-uniku xutt indirizzat lejn il-lasti avversarji.

Dan għalkemm huma wrew xi titjib fit-tieni taqsima,  il-Montenegrini kienu tattikament iktar orgnanizzati u annullaw għal kollox l-attakki tal-Maltin.

Madankollu, żgur li dan kien test importanti għall- players ta’ Mark Gatt speċjalment qabel l-impenji mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja ta’ Settembru li ġej.

Għall-Maltin, idebbuttat il-player ta’ Verona fl-Italja, Kailey Willis.

Għall-kronaka, kienu l- Maltin li ħolqu l-ewwel periklu wara biss seba’ minuti permezz ta’ Haley Bugeja li wara li daret ma’ tliet players avversarji kellha x-xutt minn barra l-kaxxa jintemm ftit barra.

Iżda fit-12-il minuta kienu l-Montenegro li fetħu l-iskor meta Armisa Kuc indirizzat cross għan-nofs li sab lill- captain SLADJANA BULATOVIC biex  permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin għelbet lill-goalkeeper Maltija, Janice Xuereb.

Kien goal li ħasad għal kollox lill-players Maltin u filwaqt li dehru xi ftit diżorjentati, tliet minuti biss wara l-avversarji rduppjaw meta xutt fil-baxx ta’ ARMISA KUC ma tat l-ebda ċans lil Xuereb issalva.

Wieħed stenna reazzjoni mill-Maltin u din waslet fit-23 minuta hekk kif reġgħu daħlu fil-partita meta naq­qsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ kanunata ta’ SHONA ZAMMIT minn tarf il-kaxxa.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-coach tat-team nazzjonali Malti, Mark Gatt, wettaq  tliet bidliet hekk kif Emma Xuereb ħadet post Haley Bugeja, Dorianne Theuma ħadet post Kailey Willis, waqt li Jade Flask ħadet post Gab­riella Zahra.

Fil-65 minuta, il-Maltin resqu viċin li jiksbu d-draw permezz ta’ xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali ta’ Maria Farrugia li iżda ntemm għoli.

Share With: