Fl-Ingilterra: Se jneħħi l-kliewi tiegħu li huma stmati li jiżnu madwar 40kg

Raġel ta’ 54 sena minn Windsor, fin-Nofsinhar tal-Ingilterra, mistenni jagħmel operazzjoni maġġuri x-xahar id-dieħel wara li l-kliewi tiegħu kibru għal madwar 40kg (88lb) minħabba mard poliċistiku tal-kliewi (PKD).

F’kummenti ma’ midja barranija, li matul din il-ġimgħa rrappurtat l-istorja tiegħu, Warren Higgs qal li sofra diversi puplesiji minħabba l-kundizzjoni tiegħu.

Skont paġna tal-GoFundMe, huwa kellu puplesija qawwija 15-il sena ilu minħabba l-kundizzjoni ta’  PKD. Dak l-inċident kien segwit minn sitt puplesiji oħra.

Filwaqt li ddeskriva l-marda bħala waħda kiefra u orribbli, żied jgħid li l-kliewi tiegħu tant kienu kbar li ma setax jieħu nifs sew għax kienu qed jgħaffġu l-pulmuni tiegħu.

Huwa qal li l-PKD tikkawża bħal ċisti li jikbru fuq il-kliewi u li f’xi każijiet din il-marda tista’ tnaqqas il-funzjoni tal-kliewi.

F’dan il-każ, il-kliewi komplew jiffunzjonaw iżda l-organi kibru b’mod sinifikanti.

Filwaqt li t-tobba tiegħu ma jafux eżattament il-piż tagħhom, huma jistmaw li jiżnu madwar 30-40kg kull wieħed.

Kirurgu qal lil Higgs li l-kliewi tiegħu kienu akbar minn tal-persuna li għandha r-rekord tal-ikbar kliewi fid-dinja.

Share With: